Sunday, January 5, 2025

Aktar għarfien għall-futur tal-istudenti permezz tat-Teens Summer Camp mill-MCAST

Aqra wkoll

Programm ta’ tmien ġimgħat mill-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija, l-MCAST, qed jagħti opportunità lil żgħażagħ ta’ bejn it-13 u s-16-il sena biex jinfurmaw ruħhom dwar opportunitajiet ta’ studju u b’hekk jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar kif se jkomplu l-istudji tagħhom u dwar il-karrieri marbuta mal-vjaġġ edukattiv tagħhom.

L-MCAST Teens Summer Camp beda x-xahar li għadda u din is-sena qed jipparteċipaw 93 student.

Waqt żjara li għamel, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima sema’ l-esperjenza tal-istudenti u l-letturi tal-Kulleġġ li permezz ta’ dan il-programm qed jesploraw oqsma ġodda kemm f’dawk li huma ħiliet u wkoll korsijiet ta’ studju.

“Irridu li ż-żgħażagħ jibbenefikaw minn esperjenzi differenti relatati mal-istudji tagħhom, esperjenzi li jmorru lil hinn minn dak li jkunu qed jitgħallmu waqt is-sena akkademika tagħhom. B’hekk ikollhom opportunità biex jesploraw oqsma ta’ għarfien u ħiliet differenti, kif ukoll firxa ta’ karrieri varji. L-MCAST qed ikollu rwol importanti ferm biex iwessa’ l-opportunitajiet għall-istudenti u ninsab kuntent li dawn l-istudenti qed jipparteċipaw f’dan il-programm waqt il-vaganzi tas-sajf”, qal il-Ministru Grima waqt iż-żjara ta’ dalgħodu.

Il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, il-Professur Joachim James Calleja qal li “il-Kulleġġ qed jgħin lill-adoloxxenti biex jifhmu u jaraw il-varjetà ta’ suġġetti u korsijiet li joffri. B’hekk qed nesponu studenti futuri tal-MCAST għal dak li joffri l-kulleġġ u kif jistgħu jibbenefikaw minn studju marbut ma’ apprendistat u wkoll minn programmi ta’ edukazzjoni vokazzjonali. L-għan huwa li dawn jieħdu deċiżjonijiet tajbin li jwassluhom għal karrieri li mhux biss jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom, imma wkoll deċiżjonijiet li jwassluhom għal karriera ta’ suċċess.”

Matul dan il-programm, l-istudenti jingħataw informazzjoni u jieħdu sehem f’attivitajiet varji fosthom proġetti edukattivi u attivitajiet sportivi li jgħinhom ukoll jaħdmu bħala tim.

Id-Deputat Prinċipal Stephen Vella spjega li dan il-programm għandu l-għan li jgħin lill-istudenti biex ikollhom esperjenzi varji f’diversi dixxiplini fosthom ir-robotika, il-coding, il-komunikazzjoni, in-negozju, l-inġinerija, il-kreattività, snajja’ u ħafna aktar.

It-Teens Summer Camp tal-MCAST għandu l-appoġġ tal-MITA u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.

Ekonomija

Sport