Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali ffirma Memorandum ta’ Ftehim mal-Bank of Valletta u ma’ MAPFRE MSV Life fuq l-edukazzjoni dwar il-kapaċità finanzjarja.
Dan il-ftehim ta’ ħames snin ma’ ĠEMMA, pjattaforma tal-ministeru, għandu l-għan li jżid l-għarfien finanzjarju, li jiżviluppa għodda li biha tippjana l-irtirar u li jaħdem ma’ operaturi ekonomiċi involuti fl-ippjanar tal-irtirar fost l-oħrajn.
B’hekk dan jiżgura li l-persuni interessati li jinvestu fi pjan tal-pensjoni privata personali jkollhom aċċess għall-projezzjonijiet komuni tal-pensjonijiet.
Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon.
Il-Ministru Michael Falzon qal li l-informazzjoni konsistenti dwar il-projezzjonijiet tal-pensjonijiet se tirriżulta f’deċiżjonijiet infurmati aħjar relatati mal-irtirar miċ-ċittadini Maltin kif ukoll żieda fil-fiduċja fil-fornituri tal-prodotti tal-pensjoni. Esprima l-aspettattiva li l-fornituri tal-pensjonijiet se jirrispondu b’mod pożittiv għal din l-għodda sabiex issir l-istandard de facto tas-suq.
Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru, is-Sur Mark Musù, li lilu tirrapporta ĠEMMA, u ċ-Chairperson tal-Grupp tal-Istrateġija dwar il-Pensjonijiet, qal li t-twaqqif ta’ tali memorandum ta’ ftehim bejn ĠEMMA u istituzzjonijiet prominenti bħal Bank of Valletta u MAPFRE MSV Life, hu għan strateġiku tal-Istrateġija tal-Irtirar u l-Kapaċità Finanzjarja li l-ministeru nieda fl-2017. It-twaqqif ta’ dawn is-sħubijiet strateġiċi jiżguraw li Malta tadotta strateġija kollaborattiva u koordinata biex trawwem kultura ta’ kapaċità finanzjarja.
Il-Kap tal-Iżvilupp tan-Negozju fil-Bank of Valletta, is-Sur Kenneth Farrugia, enfasizza l-importanza tal-edukazzjoni finanzjarja, b’mod partikolari fil-qasam tal-pjanijiet tal-pensjoni personali. Dan speċjalment f’pajjiż li ilu jiddependi fuq il-pensjoni tal-istat għal għexieren ta’ snin.
Peress li l-piż fiskali fuq il-ġenerazzjoni li jmiss, li se tidħol fis-suq tax-xogħol, hu mistenni li jkompli jiżdied biex isostni popolazzjoni li dejjem qed tikber, l-ippjanar tal-pensjoni personali se jkun kruċjali biex l-irtirati jkunu jistgħu jsostnu l-istandard tal-għajxien tagħhom. Il-kalkulatur tal-irtirar, li hu ppjanat li jiġi żviluppat bħala riżultat tal-kollaborazzjoni li ssir bejn il-gvern, il-BOV u MAPFRE MSV Life, se jkun għodda importanti ħafna għall-ippjanar finanzjarju għall-klijenti li jixtiequ jippjanaw għal quddiem għall-irtirar tagħhom.
Is-Sur David G. Curmi, is-CEO ta’ MAPFRE MSV Life, qal li bħala l-fornituri ewlenin kemm tal-Pjanijiet tal-Pensjoni Personali kif ukoll tal-Pjanijiet tal-Pensjoni Okkupazzjonali Volontarja fis-suq Malti, il-kumpanija hi ffukata fuq l-għoti ta’ edukazzjoni finanzjarja b’enfasi fuq l-importanza tal-ippjanar fit-tul għall-irtirar. Qal li l-kollaborazzjoni li qed tinħoloq ma’ ĠEMMA u l-BOV permezz tal-iffirmar ta’ dan il-memorandum ta’ ftehim tiżgura li messaġġi konsistenti, relevanti, intuwittivi u awtorevoli jiġu komunikati fis-suq. MAPFRE MSV Life ikkontribwixxiet permezz tat-tim attwarjali tagħha għall-iżvilupp tal-loġika għall-għodda għall-ippjanar tal-irtirar.
Ir-riżorsi ta’ ĠEMMA jistgħu jiġu aċċessati kif ġej:
Portal: www.gemma.gov.mt
Facebook: https://www.facebook.com/gemma.know.plan.act
YouTube: https://www.youtube.com/channel/UCBYOWljTOp15RLgNXUu1h7Q/videos