Thursday, May 29, 2025

AKTAR ĠONNA… AKTAR ARJA NADIFA

Aqra wkoll

Minn ġimgħa għall-oħra qegħdin naraw jiġu inawgurati proġetti varji madwar il-pajjiż. Minn proġetti infrastrutturali fosthom bini ta’ toroq ġodda u t-tiswija estensiva ta’ toroq oħra, sa dawk li jikkonsistu fi spazji ħodor ġodda. L-iskop ta’ dan kollu huwa li titjieb kemm jista’ jkun il-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.

Dan l-aħħar ukoll assistejna għall-ftuħ ta’ spazju ġdid aħdar f’Pembroke fejn 9,000 metru kwadru ta’ art, li fil-maġġorparti tagħhom kienu magħmula minn konkrit, issa ġew mibdula fi ġnien mill-isbaħ għar-residenti ta’ din il-lokalità u l-komunitajiet tal-madwar. B’dan il-proġett, il-Gvern qed isostni l-impenn tiegħu li joħloq aktar żoni miftuħa u ħodor filwaqt li kemm jista’ jkun dawn jinbnew qrib tar-residenti, fil-qalba tal-lokalitajiet.

Fil-ħajja mgħaġġla li ninsabu fiha llum, huwa importanti li jkomplu jsiru dawn it-tip ta’ investimenti biex wieħed ikun jista’ jaqta’ ftit mir-rutina ta’ kuljum u jqatta’ ftit ħin ta’ mistrieħ f’ambjent mill-isbaħ. Minbarra hekk, is-siġar ġodda li jiġu miżrugħa f’dawn iż-żoni jgħinu wkoll għat-tindif tal-arja aktar u aktar f’partijiet minn fejn jgħaddi traffiku voluminuż.

Għalhekk nibqgħu nisħqu illi dawn l-ispazji m’għandhomx jinbnew u wara jiġu mitluqin imma jibqgħu jingħataw manutenzjoni kontinwa u kif jixraq ħalli l-investiment li jkun sar fihom jibqa’ jrendi u ma jkunux fondi moħlija fix-xejn. 

Dawn il-proġetti ħodor jikkontribwixxu wkoll biex Malta tilħaq l-obbligi u l-miri li għandha fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet u t-tniġġis tal-arja. Huwa ta’ sodisfazzjon ninnutaw li l-Ministeru għall-Ambjent u l-entitajiet li jaqgħu taħtu diġà wettqu 60 proġett differenti ambjentali f’dawn l-aħħar tliet snin, mifruxa madwar il-pajjiż, inkluż f’40 ġonna u 20 wied li ġew rijabilitati.

Bħalma l-poplu kkopera fis-separazzjoni tal-iskart, hekk ukoll nemmnu li għandu jkun responsabbli fiż-żamma tajba ta’ dawn il-proġetti u li jittieħdu l-passi meħtieġa fejn tkun qed issir xi ħsara jew vandaliżmu intenzjonat. Iż-żamma tajba ta’ dawn il-proġetti hija turija wkoll ta’ poplu ċivilizzat, poplu li jħobb l-ambjent u li lest jipproteġi dak kollu li huwa mdawwar bih. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport