Il-General Workers’ Union hija għaqda tal-ħaddiema li sa mit-twelid tagħha fl-1943 l-għan ewlieni tagħha kien li tipproteġi l-interessi u d-drittijiet tal-ħaddiema li sa dakinhar ma kellhomx. Dan il-għan għadu rifless illum fejn il-union qed torganizza fi ħdanha mhux biss ħaddiema Maltin imma anke barranin.
Il-bidliet fid-dinja tax-xogħol ħolqu wkoll kategoriji differenti ta’ ħaddiema. F’dawn l-aħħar snin rajna dan il-fenomenu jikber u jiżviluppa wara l-pandemija. Il-ħaddiema tal-pjattaforma żdiedu fl-għadd tagħhom u għalhekk kien hemm bżonn ta’ regolamentazzjoni f’dan is-settur kif fil-fatt ġara. Madanakollu xorta għadna nisimgħu b’każi fejn xi wħud mill-ħaddiema mhumiex qed jingħataw dak li hu dovut lilhom bi dritt.
Tant hu hekk li ftit tal-ġimgħat ilu stess, beda jinstema’ l-każ fil-Qorti dwar l-allegat sfruttament ta’ food couriers li kienu mċaħħda minn kundizzjonijiet skont il-liġi Maltija minn min iħaddimhom. Fost l-oħrajn instema’ kif dawn il-food couriers kellhom jieħdu bejniethom ħlas ta’ €200,000 f’arretrati fuq perjodu ta’ erba’ xhur.
Dan l-aħħar għadd ta’ xufiera li jwasslu l-ikel (food couriers) resqu għand il-General Workers’ Union u anke daħlu membri magħha sabiex din tagħtihom l-assistenza kollha neċessarja li għandhom bżonn. Dan wara li stqarru li kienu mħassba bis-sitwazzjoni tagħhom f’dak li jirrigwarda l-benefiċċji u l-pagi li kienu qed jirċievu.
Min-naħa tagħha, il-GWU assigurat lil dawn il-ħaddiema li se tkun qiegħda taħdem għalihom biex jieħdu dak li huma intitolati għalih. Dan huwa eżempju ċar ieħor ta’ kemm il-unjins illum huma aktar rilevanti minn kemm kienu ftit tas-snin ilu.
Bħalma dejjem għamlet il-GWU se tkun qiegħda tiddefendi d-drittijiet u d-dinjità ta’ dawn il-ħaddiema bil-mezzi kollha li tipprovdi l-liġi. Nemmnu li abbużi bħal dawk li tkellimna dwarhom m’għandhomx ikunu tollerati. Dawn il-ħaddiema jixirqilhom rispett u dinjità għax-xogħol li qegħdin jagħmlu, irrispettivament jekk humiex ħaddiema Maltin jew barranin.