Wednesday, July 17, 2024

“Aktar ħidma favur in-nies”

Il-membru parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba jżur il-General Workers’ Union

Aqra wkoll

Fi żjara li għamel il-membru parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba fil-binja tal-General Workers’ Union, il-kandidat għall-Elezzjonijiet Ewropej iltaqa’ mal-amministrazzjoni tal-GWU. Flimkien iddiskutew uħud mill-aktar suġġetti prinċipali f’pajjiżna kif ukoll proposti.

Qablu fuq il-fatt kemm kienet u hija ta’ importanza l-komunikazzjoni u l-kuntatt kontinwu li dejjem kellhom bejniethom li wasslu biex bnew ir-relazzjoni soda li għandhom illum il-ġurnata.

L-amministrazzjoni tal-GWU semmiet id-diversi inizjattivi li ħadmu fuqhom flimkien fosthom ir-right to disconnect u direttiva dwar il-paga minima adegwata. Waqt il-laqgħa l-MEP Agius Saliba u l-amministrazzjoni ddiskutew ukoll uħud mill-proposti importanti tal-GWU li ressqet għall-Baġit 2024, fosthom dik taż-żieda fil-paga minima li qed joħroġ li kien hemm qbil unanimu dwarha kemm bejn is-sħab soċjali kif ukoll min-naħa tal-Gvern, iż-żieda tal-għoli tal-ħajja, il-ħtieġa li tiġi miġġielda l-inflazzjoni, u l-ġlied kontra l-abbuż fuq il-ħaddiema.

“Huwa għal dan il-fatt fost ħafna oħrajn li aħna nisħqu fuq is-sħubija awtomatika fit-trade unions. Anke l-Unjoni Ewropea għarfet l-importanza tan-negozjar kollettiv tant li skont l-istess direttiva dan għandu jitla’ biex ikopri 80% tal-ħaddiema.”

Huma ddiskutew is-sitwazzjoni tal-għoli tal-ħajja f’pajjiżna li qed tolqot lil kuħadd.

L-MPE Agius Saliba appoġġja l-proposti tal-GWU sabiex importaturi żgħar ikunu jistgħu jingħataw soft loans sabiex jimpurtaw prodotti tal-ikel bil-kundizzjoni li jistabilizzaw il-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel għal perjodu stabbilit u għall-proposta l-oħra li jinħolqu web sites biex il-konsumatur ikun jista’ jikkompara l-prezzijiet.

“Permezz ta’ djalogu kontinwu bejnietna jeħtieġ li nkomplu naħdmu biex apparti li nipproteġu d-drittijiet tal-ħaddiema u l-konsumaturi f’pajjiżna, inkomplu nagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.

Ekonomija

Sport