Thursday, November 6, 2025

Aktar ħidma favur Malta bħala wieħed mill-aktar pajjiżi siguri fid-dinja

Aqra wkoll

Malta hija t-tnax-il pajjiż l-aktar sigur fid-dinja minn 143, dan kif ikklassifikat fil-World Justice Project Rule of Law Index. Riżultat li jirrifletti l-kisbiet u r-riżultati f’dan is-settur bl-inqas rati ta’ kriminalità fl-aħħar snin. Riżultati li ser ikomplu b’aktar investiment fis-settur tas-sigurtà kif jixhed l-investiment imħabbar fil-Budget għall-2026. Bl-investiment rikorrenti ser ikun kważi trippla u dak kapitali jiżdied b’ħames darbiet meta kkumparat mal-2012.

Spjega dan il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri f’konferenza tal-aħbarijiet fost il-Korpi Dixxiplinati u ħaddiema oħra tas-sigurtà. Tkellem dwar kif is-sigurtà fejn ngħixu, niddevertu u naħdmu hija dritt ta’ kull wieħed u waħda minnha. “Dritt li huwa prijorità tagħna bħala Gvern u ta’ kull wieħed u waħda minnkom li ta’ kuljum tilbsu l-unformi biex isservu. Malta Sigura. Malta li ttik is-serħan il-moħħ. Dawn mhux kliem – dawn huma l-garanzija li qegħdin nagħtu lill-familji tagħna. Għaliex is-sigurtà mhijiex biss kwistjoni ta’ liġi – kwistjoni ta’ ordni – hija wkoll kwistjoni ta’ fiduċja. Fiduċja bejn iċ-ċittadini u l-Korpi Dixxiplinati li jservuhom. U dik il-fiduċja rridu nibnuha kuljum, b’ħidma serja u b’politika li tpoġġi lis-sigurtà tan-nies fiċ-ċentru ta’ kollox. Dan ma jfissirx li ma jkollnhiex ir-realtajiet tagħna, iżda pajjiżna huwa ferm aħjar minn pajjiżi oħra f’dan il-qasam.”

Il-Ministru elenka l-ħidma kbira li twettqet f’dan is-settur, iżda rrefera għar-rapport tal-World Justice Project Rule of Law Index u r-rata ta’ kriminalità baxxa f’Malta bħala l-aqwa ċertifikat.  “Fl-2024, ir-rata ta’ kriminalità f’pajjiżna reġgħet naqset. Iktar minn hekk fl-2004 kellna 46 każ għal kull 1,000 persuna, illum għandna 30 każ għal kull  1,000 persuna. Ċertifikat, ta’ kif dak li qegħdin inwettqu qiegħed iħalli r-riżultati mixtieqa. Iżda, nistqarr, li l-akbar sodisfazzjon huwa dak li ta’ kuljum in-nies jgħidulna fuqkom, l-aqwa kejl hija d-differenza li qegħdin nagħmlu f’ħajjithom.”

Huwa sostna kif is-sigurtà tal-pajjiż u l-investiment fil-ħaddiema li jagħtu ħajjithom għal dan il-għan, għandhom jimxu id f’id. “Għaliex xi jkun jiswa l-investiment fir-riżorsi, fl-għodda li tużaw fil-binjiet li toperaw minnhom, fl-uniformi li tilbsu jekk ma ninvestux fl-aqwa riżorsa li għandna – il-ħaddiema. Iva, il-Korpi Dixxiplinati tagħna – jistħoqqilhom l-aqwa kundizzjonijiet, hekk tajniehom u hekk ser nibqgħu nagħtuhom. Dan urejnieh biċ-ċar fil-budget għas-sena d-dieħla.” Dan hekk kif meta wieħed jikkumpara mal-2012, intefqu €100 miljun f’nefqa rikorrenti fis-settur tas-sigurtà. Għas-sena d-dieħla l-investiment rikorrenti se jkun €280 miljun. Filwaqt li n-nefqa kapitali ser tkun żdiedet b’ħames darbiet. 

Il-Ministru qal li “Għalhekk, Ekonomija b’Saħħitha – Futur għal Uliedna, għax ser nibqgħu ninvestu fis-sigurtà ta’ dan il-pajjiż, fejn l-investiment bla preċedent li sar fil-ħaddiema, jibqa’ jkun ikkumplimentat bi proġetti mifruxa fil-forzi tal-ordni kollha.”

Fost il-miżuri f’dan is-settur għall-Budget 2026:

  • Il-Gvern se jkompli jinvesti fit-teknoloġija tal-Korp tal-Pulizija, b’proġett ta’ €6 miljun biex tinbidel is-sistema tal-informatika. Dan se jwassal għal servizz aktar effiċjenti u għal aktar għodda ta’ informazzjoni u data għal deċiżjonijiet strateġiċi.
  • Xogħol fuq għases ġodda se jibda f’Raħal Ġdid, il-Mosta, Tas-Sliema, Ħal Qormi u r-Rabat, Għawdex, flimkien ma’ investiment ta’ €9 miljun fi proprjetajiet u infrastruttura tal-korp, inkluż il-garaxx u t-taqsima tal-klieb.
  • Il-flotta tal-vetturi tal-Pulizija se tkompli tiġi modernizzata, kemm fir-RIU kif ukoll fid-distretti.
  • Se jiżdiedu kameras ta’ sigurtà f’żoni strateġiċi bħal Buġibba, Marsa u Raħal Ġdid li jingħaqdu ma’ dawk ta’ Paceville.
  • Il-Protezzjoni Ċivili se tkun aktar ippreparata għall-isfidi moderni, inklużi vetturi tat-tifi tan-nar għal karozzi elettriċi, apparat ġdid ta’ tfittxija mill-ajru u titjib fl-istazzjonijiet tal-Furjana u Għawdex.
  • Il-Forzi Armati ta’ Malta se jkomplu jissaħħu b’ħelikopter u ajruplan ġodda sal-2028, u b’investiment inizjali ta’ aktar minn €10 miljun mis-sena d-dieħla. Se jkun hemm ukoll apparat ġdid għad-dipartiment tal-bombi u robot modern għall-unità tal-bomb disposal.
  • Il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed tkompli tiġi mmodernizzata b’aktar sigurtà, dixxiplina u programmi ta’ riabilitazzjoni. Fl-2026 se jitlesta xogħol fuq faċilitajiet ġodda għaż-żjarat tal-familji, partikolarment għat-tfal.
  • l-Gvern kompla jsaħħaħ il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tal-Korpi Dixxiplinati – il-pulizija, is-suldati u l-ħaddiema tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi – b’ftehimiet settorjali ġodda u fil-ħin. Din is-sena, se jkun hemm ftehim ġdid għall-Protezzjoni Ċivili, bħala parti mill-impenn biex il-bżulija tibqa’ tiġi ppremjata.

Il-Ministru Byron Camilleri kkonkluda li llum nistgħu nitkellmu fuq il-futur ta’ dan is-settur bi track record li jitkellem waħdu. “Nistgħu nitkellmu fuq il-futur, għaliex illum il-ħaddiema tagħna jistgħu jħarsu ’l quddiem b’ottimiżmu. Nistgħu nitkellmu fuq il-futur għaliex hija l-politika tagħna li ekonomija b’saħħitha nsarrfuha fil-familji tagħna, fil-futur ta’ uliedna.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport