Ħdax-il persuna oħra tilfu ħajjithom minħabba nuqqas ta’ ikel f’Gaża. Żvela dan il-Ministeru tas-Saħħa f’Gaża li huwa mmexxi mill-Ħamas. Dawn l-aħħar imwiet tellgħu t-total ta’ persuni mejta minħabba malnutrizzjoni għal 212, inklużi 98 tifel u tifla.
Skont il-Ministeru tas-Saħħa fl-aħħar sigħat inqatlu 38 persuna u 491 oħra sfaw midruba b’riżultat ta’ attivitajiet militari Iżraeljani. L-għadd ta’ mwiet qed ikomplu jiżdiedu minkejja rapporti li r-residenti f’Gaża ngħataw sas-7 t’Ottubru 2025 biex jitilqu minn din il-belt wara t-tħabbira tal-pjan kontroversjali ta’ Iżrael li jieħu kontroll sħiħ ta’ din iż-żona.
Il-pjan il-ġdid, approvat mill-Kabinett tas-Sigurtà ta’ Iżrael u li ngħataw id-dettalji dwaru l-Ġimgħa li għadda, jelenka ħames “prinċipji” ewlenin biex jintemm il-kunflitt f’Gaża, b’wieħed minnhom ikun dak tal-“kontroll tas-sigurtà fuq it-territorju”.
Rapporti fil-midja Iżraeljana qalu li l-pjan jiffoka primarjament fuq il-kontroll sħiħ tal-belt ta’ Gaża, u sabiex jiġu rilokati madwar miljun resident.
Dan il-pjan kellu kritika qawwija kemm minn mexxejja globali kif ukoll minn xi wħud ġewwa Iżrael, inklużi uffiċjali militari u l-familjari tal-ostaġġi li għadhom miżmuma f’Gaża u li qegħdin jibżgħu għas-sigurtà tagħhom.
L-Iżrael warrab għalkollox din il-kritika, bil-Ministru tad-Difiża Israel Katz jgħid li l-kundanna ma kinitx se ddgħajjifhom. L-Istati Uniti kienu inqas kritiċi – bil-President Donald Trump jgħid li “kważi kollox jiddependi fuq Iżrael” jekk għandux jokkupa kompletament l-Istrixxa ta’ Gaża.