Tuesday, December 24, 2024

AKTAR INDIPENDENZA U INKLUSSIVITÀ GĦAL PERSUNI B’DIŻABBILTÀ

Julia Farrugia Portelli, Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur

Aqra wkoll

Trid tkun fiż-żarbun ta’ persuna b’diżabilità jew almenu tkun tgħix magħha fil-qrib ħafna biex tifhem is-sodisfazzjon li din tħoss meta tara li hemm min qed jemmen fil-kapaċità tagħha anke jekk ristretta minħabba d-diżabilità. Kull meta nuru fiduċja f’persuna b’diżabilità inkunu qegħdin  nagħtuha l-aħjar servizz possibbli. L-aħjar servizz għax b’hekk inkunu qegħdin nuruha li qegħda tkun ikkunsidrata daqs u bħal ħaddieħor. Huwa dan li mbagħad ikompli jkattar fl-istess persuna d-determinazzjoni li tkompli temmen fiha nnifisha.

Min-naħa l-oħra, esperjenzi bħal dawn li kelli, u jkolli kontinwament, ma’ persuni b’diżabilità jkomplu jixprunaw lili u lil dawk li jiffurmaw parti mid-dekasteru tal-Ministeru fdat lili għal aktar ħidma b’risq żewġ prinċipji sagrosanti fejn jidħlu persuni b’diżabilità, l-indipendenza u l-inklussività.

Lil hinn minn kull partiġġjaniżmu politiku ma jistax jingħad li matul dawn l-aħħar snin ma sarux passi kbar ħafna ‘l quddiem fejn jikkonċerna dawn iż-żewġ prinċipji sagrosanti. L-avvanzi li għamilna fejn jirrigwarda l-qasam tax-xogħol għal persuni b’diżabilità wasslu biex illum għandna numru sabiħ ħafna ta’ persuni b’diżabilità li daħlu fid-dinja tax-xogħol. Il-fatt li dawn il-persuni qegħdin jikkontribwixxu direttament biex jaqilgħu l-għixien tagħhom jimlihom b’kuraġġ kbir biex ikomplu jikkonfrontaw l-isfidi li toffri l-ħajja lil kull wieħed u waħda minna. Il-fatt li jafu li f’ħajjithom hemm parti oħra, parti sostanzjali, li għaliha jiddependu fuqhom infushom bidlitilhom ħajjithom kompletament. Hekk sar ukoll lil qrabathom l-aktar qrib tagħhom. Għamilna dan permezz ta’ diversi skemi li jinċentivaw kemm lilhom bħala ħaddiema kif ukoll lil min iħaddem biex kull meta jkun qed jiġi kunsidrat reklutaġġ ta’ ħaddiema l-persuni b’diżabilità jkunu kunsidrati ugwalment.

Sadattant ħdimna u għadna naħdmu kontinwament biex permezz tal-Aġenzija Sapport, aġenzija li tifforma parti mid-dekasteru tal-Ministeru fdat lili, ikollna djar żgħar fil-komunità fejn persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jgħixu flimkien bħala familja b’mod indipendenti anke jekk mgħejjunin minn ħaddiema speċifiċi. Minn dawn id-djar, permezz tal-Proġett Soċjetà Ġusta, għandna 15-il waħda u tlieta oħra jinsabu fi proċessi varji biex jiżdiedu fil-lista.

Ritratt: Pierre Sammut – DOI

Issa morna pass aktar minn hekk ukoll. B’sodisfazzjon kbir ftit tal-jiem ilu flimkien mal-kollega Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes, ippresedejna fuq l-iffirmar ta’ ftehim bejn l-Awtorità tad-Djar u Aġenzija Sapport biex ikun hemm aktar ħidma favur l-indipendenza u l-inklussività ta’ persuni b’diżabilità. B’riżultat ta’ dan il-ftehim se jkun hemm aktar kollaborazzjoni bejn l-Awtorità tad-Djar u Aġenzija Sapport li minnu se jgawdu persuni b’diżabilità.

Permezz ta’ dan il-ftehim meta persuni b’diżabilità li jkunu qegħdin jgħixu f’dar residenzjali tal-Aġenzija Sapport jkunu laħqu livelli ta’ indipendenza ngħinuhom jibdew jgħixu għal rashom fil-kommunità f’appartamenti apposta. B’hekk inkunu qegħdin inkomplu nattwaw Artiklu 19 tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda għal persuni b’diżabilità li jitkellem ċar dwar id-desituzzjonalizzazzjoni tal-istess persuni. B’hekk se nkomplu nkunu ta’ għajnuna lejn it-tisħiħ tal-inklussività u l-indipendenza ta’ persuni b’diżabilità.

Ninsab konvinta li b’dan l-iżvilupp se nkunu qegħdin insaħħu r-rieda ta’ persuni b’diżabilità li jkomplu jimirħu f’oqsma li forsi sa ftit ta’ żmien ilu lanqas biss kienu joħolmuhom. Imma aktar minn hekk, se nkunu qegħdin inserħu moħħ qrabathom li dawk li sal-lum kienu jqisuhom bħala kompletament dipendenti fuqhom huma kapaċi bħal u daqs ħaddieħor jaslu fejn jixtiequ jaslu.

Is-sens ta’ inklussività u indipendenza jnisslu kunfidenza tal-azzar f’persuni b’diżabilità. L-appoġġ tagħna għall-ksib ta’ dawn l-għanijiet kien, għadu u jibqa’ wieħed kontinwu u determinat. 

Ekonomija

Sport