Sunday, November 24, 2024

Aktar infurzar dwar l-imwejjed u s-siġġijiet fi spazji pubbliċi

Aqra wkoll

Qegħdin jittieħdu miżuri ta’ infurzar fir-rigward tat-tpoġġijiet ta’ mwejjed u siġġijiet fit-toroq u l-bankini primarjament fil-Belt Valletta. Din l-azzjoni kienet kordinata bejn diversi entitajiet fosthom l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, l-Awtorità tal-Artijiet flimkien mal-Korp tal-Pulizija u saret wara li rriżulta li xi sidien ta’ stabbilimenti kienu qed jabbużaw u baqgħu b’ammont ta’ mwejjed aktar milli konċess lilhom.

Fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-Belt Valletta, dan is-sit ħa l-kummenti tas-Sindku Olaf McKay, li qal li l-ħidma f’dan il-qasam se tibqa’ tkun kordinata bil-għan li l-abbuż jieqaf u ma jkomplux mhux biss fir-rigward tal-imwejjed imma wkoll fil-każ tal-mużika għolja u l-ħruġ ta’ skart m. hux fil-ħinijiet kif suppost. Biex dawn l-għanijiet ikomplu jintlaħqu twaqqaf kumitat għal żamma aħjar fil-Belt Valletta li se jġib l-istakeholders kollha flimkien mal-forzi tal-ordni biex jiġi żgurat li r-regolamenti jibqgħu jitħarsu u ma jiġux miksura. 

Huwa sostna wkoll li issa huwa ż-żmien li jinstab dak il-bilanċ bejn il-kummerċ u r-residenti li joqogħdu fil-Belt Valletta. Fil-fatt, għaż-żmien li ġej, hemm ippjanati aktar spezzjonijiet. 

McKay irrefera wkoll għax-xogħol li twettaq biex jitneħħew stickers u tabelli li kienu mwaħħlin mal-ħitan. Dan l-infurzar se jkopri wkoll tal-immaniġġjar tat-traffiku u l-parkeġġ. 

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) Carlo Micallef qal li huma jaħdmu prinċipalment mal-Awtorità tal-Artijiet sabiex jaraw li l-permess li għandhom l-istabbilimenti tal-catering ikun osservat. Min ma jkollux, jiġi mitlub sabiex japplika jew inkella jneħħi l-imwejjed u s-siġġijiet. 

“L-ewwel nedukaw u ninformaw. Jekk imbagħad ma naslux, tinħareġ ittra ta’ twissija. Min jibqa’ jippersisti qed inwaħħlu l-multi.” qal Micallef. “Se nkomplu naħdmu mhux fuq il-Belt Valletta biss. Sar infurzar (dwar l-imwejjed u s-siġġijiet) f’Għawdex fil-ġimgħat li għaddew. Fl-aħħar xhur flimkien mal-Lands u l-Pulizija dorna anke l-Gżira, Tas-Sliema, Buġibba fost lokalitajiet oħra.”

“Qegħdin naraw li jkun hemm bilanċ fejn min għandu stabbiliment tal-catering u jkollu permess joħroġ u jaqla’ lira li għandu jaqla’ meta joserva l-permess. Imma r-residenti, l-Maltin u turisti li jgħaddu minn dawk l-inħawi ma jkunx ostakolat u jkun hemm bilanċ bejn in-negozji u r-residenti,” temm jgħid il-Kap Eżekuttiv tal-MTA.

Sport