Tuesday, August 26, 2025

AKTAR INFURZAR FIT-TOROQ 

Aqra wkoll

Id-diversi appelli li saru f’dawn l-aħħar jiem b’rabta ma’ infurzar aktar rigoruż fit-toroq tagħna sabiex ikunu jistgħu jiġu evitati inċidenti tat-traffiku, jidher li mhumiex qed jaqgħu f’widnejn torox. Tant hu hekk li żdiedu sew l-ispezzjonijiet tat-traffiku minn entitajiet differenti u li qegħdin iħallu riżultati. 

Imma b’dan kollu nistgħu ngħidu li wasalna? Jeħtieġ issa li naħsbu x’passi oħrajn għandhom jittieħdu u li jservu ta’ deterrent f’każ li persuna tinqabad li tkun qiegħda ssuq taħt l-influwenza tax-xorb jew sustanzi oħra. Dan anke fl-isfond tad-diversi inċidenti li rajna fl-aħħar jiem fejn anke bosta kienu dawk li esprimew il-fehma tagħhom li hemm bżonn jittieħdu iktar miżuri f’dan ir-rigward. 

Anke l-Prim Ministru Robert Abela nnifsu tkellem dwar din il-kwistjoni u enfasizza ir-responsabbiltà kbira li għandhom is-sewwieqa fl-istess waqt li qal li mhux aċċettabbli li persuna tixrob u ssuq jew agħar minn hekk li tkun taħt l-influwenza tad-droga u ssuq. 

Nilqgħu għalhekk it-tħabbira li se tiżdied il-preżenza tal-uffiċjali ta’ Transport Malta, il-LESA u l-Pulizija fit-toroq, u l-fatt li qiegħda tiġi studjata reviżjoni fil-pieni b’mod ħolistiku, fosthom fl-element ta’ deterrent. Ninnutaw ukoll li se jkunu qed isiru aktar kampanji edukattivi biex wieħed ikun iktar konxju tal-konsegwenzi li jista’ jkun hemm jekk ikun hemm tali abbużi fis-sewqan. 

Fil-fehma tagħna, iż-żieda ta’ kampanji ta’ din ix-xorta huma meħtieġa, iżda daqstant ieħor huwa importanti li kulħadd isegwi r-regolamenti għaliex b’dan il-mod, dak li jkun mhux biss ikun qed jieħu ħsieb tiegħu nnifsu imma wkoll lil dawk ta’ madwaru. 

Is-sigurtà fit-toroq tirrikjedi ċertu kawtela u attenzjoni minn kulħadd u jeħtieġ li r-regolamenti għal sewqan aħjar u sikur jiġu osservati b’mod attiv u mhux jitħallew biss miktuba fuq il-karti. Għalhekk is-sigurtà fit-toroq hi sforz kollettiv u kulħadd għandu jagħmel il-parti tiegħu biex jiġu evitati inċidenti bla bżonn. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport