Waqt laqgħa oħra ta’ konsultazzjoni, din id-darba mar-rappreżentanti tal-General Workers’ Union (GWU) ġewwa l-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li dan huwa Gvern li jibqa’ jipprijoritizza d-diskussjoni għax minnha jissaħħu l-kundizzjonijiet u d-drittijiet tal-ħaddiema.
Il-Prim Ministru rrimarka li nhar it-Tnejn 27 ta’ Ottubru pajjiżna se jerġa’ jkollu Budget bla żidiet fit-taxxi u se jinżammu s-sussidji tal-enerġija kemm għan-negozji kif ukoll għall-familji. “Għamilna u nwegħidkom li se nkomplu nagħmlu aktar fuq dak li għandu x’jaqsam mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja. Daħħalna miżuri bla preċedent favur il-ħaddiema f’din il-leġiżlatura. Daħħalna l-leave tat-tieni ġenitur ta’ għaxart ijiem bi ħlas li mbagħad ġie estiż għas-self employed. Tajna ħamest ijiem carers leave li tlett ijiem minnhom huma bi ħlas sħiħ għall-ħaddiema fis-settur pubbliku,” spjega l-Prim Ministru.
Huwa rrefera wkoll għall-inizjattivi bħal dik tal-urgent family leave li minn 15-il siegħa issa żdiedet għal erbat ijiem. Dan filwaqt li bil-liġi tal-miscarriage leave li se tiġi implimentata fil-futur qrib, koppji se jkollhom sebat ijiem leave mħallsa kollha kemm huma mill-Gvern. Il-Prim Ministru għamel ukoll referenza għall-konsultazzjoni li għaddejja dwar il-leave speċjali għall-ġenituri li t-trabi tagħhom jiddaħħlu l-NPICU.
Il-Prim Ministru rrefera wkoll għas-sitwazzjoni tal-kumpanija Carlo Gavazzi u l-irwol tal-GWU biex il-ħaddiema kisbu pakkett finanzjarju adegwat. Qal li s-sitwazzjoni fil-pajjiż hi li s-settur tax-xogħol huwa b’saħħtu u għalhekk bil-ħiliet li għandhom dawn il-ħaddiema, ċertament se jiġu assorbiti f’dinja tax-xogħol li f’pajjiżna qed tkompli tkun dinamika.
Dr Abela żied jgħid li r-relazzjonijiet tajba li dejjem żamm dan il-Gvern mal-imsieħba soċjali dejjem sarrfu f’miżuri u inizjattivi pożittivi għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin.
Il-Prim Ministru semma kif tul dawn l-aħħar snin, pajjiżna rnexxielu jibni ekonomija dejjem aktar b’saħħitha, biex illum tiżboq dik ta’ pajjiżi oħra Ewropej. Dan jidher anke mill-fatt li n-numru ta’ impjiegi qed ikomplu jiżdiedu filwaqt li l-qgħad qiegħed l-anqas li qatt kien. Huwa żied jgħid li bis-saħħa ta’ ekonomija li trendi, il-Gvern seta’ jagħti pakketti finanzjarji mill-aqwa, filwaqt li jkompli jsaħħaħ il-kundizzjonijiet tax-xogħol anke permezz ta’ numru ta’ ftehimiet kollettivi għall-ħaddiema. F’dan il-kuntest il-Prim Ministru faħħar il-ħidma li jagħmlu l-unjins u rringrazzjahom għax-xogħol siewi li lkoll kemm huma jagħmlu favur l-interess tal-ħaddiem.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll il-Ministri Michael Falzon, Byron Camilleri, Clyde Caruana u Clifton Grima, s-Segretarji Parlamentari Andy Ellul u Malcolm Paul Agius Galea, id-Deputati Naomi Cachia u Ray Abela, u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Mark Mallia.