Saturday, December 21, 2024

Aktar inizjattivi favur persuni b’diżabilità permezz ta’ ftehim bejn Aġenzija Sapport u Aġenzija Żgħażagħ

Aqra wkoll

Ġie ffirmat ftehim bejn Aġenzija Sapport u Aġenzija Żgħażagħ li permezz tiegħu se jkomplu jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ taħriġ għall-mentors u ż-żgħażagħ li jagħmlu użu mis-servizzi tal-Aġenzija Sapport.

Dan il-ftehim, li se jkopri medda ta’ tliet snin, ġie ffirmat fil-preżenza tal-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.

Permezz ta’ dan il-ftehim, Aġenzija Żgħażagħ ser twassal inizjattivi u attivitajiet li jinkludu superviżjoni, taħriġ dwar abbiltajiet ta’ tmexxija u mentoring lill-Youth Workers minn Aġenzija Sapport. Fl-istess ħin, l-Aġenzija Żgħażagħ ser tkun qed twassal ukoll programmi mmirati lejn żgħażagħ b’abbiltajiet diversi intiżi biex dawn itejbu l-kwalità ta’ ħajja tagħhom u jipparteċipaw b’mod attiv fil-komunità. Apparti minn hekk, dan il-ftehim se jgħin biex iż-żewġ entitajiet  isaħħu l-koordinament bejniethom u jittellgħu inizjattivi u attivitajiet  li permezz tagħhom, żgħażagħ li jibbenefikaw minn servizzi ta’ Aġenzija Sapport, ikunu jistgħu jtejbu l-abbiltajiet u l-kompetenzi tagħhom.

Min-naħa tagħha, il-Ministru Julia Farrugia Portelli fissret l-importanza ta’ din il-kollaborazzjoni. “Dan il-ftehim hu pass importanti biex naraw iż-żgħażagħ kollha fis-soċjetà tagħna, inklużi dawk b’abbiltajiet differenti, jitħarrġu u jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom. L-impenn bejn Aġenzija Żgħażagħ u Aġenzija Sapport se jsaħħaħ is-sħubija bejn is-setturi soċjali u dawk tal-edukazzjoni, filwaqt li jgħin lil dawn iż-żgħażagħ ikunu aktar indipendenti u nvoluti b’mod attiv fil-komunità. Din l-inizjattiva mhux biss se tgħin biex iż-żgħażagħ b’diversi abbiltajiet isiru aktar parteċipi fil-ħajja soċjali, iżda tirrifletti wkoll l-impenn tagħna li noħolqu soċjetà aktar inklużiva u li tħaddan it-talenti ta’ kull individwu,” temmet tgħid il-ministru.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti enfasizza l-valur ta’ din il-kollaborazzjoni. “Illum hija ġurnata importanti li tixhed is-sbuħija tal-kollaborazzjoni bejn żewġ entitajiet li għandhom viżjoni komuni – dik li jsaħħu u jappoġġaw lit-tfal u liż-żgħażagħ tagħna. Din il-kollaborazzjoni mhux biss turi l-impenn tagħhom għall-missjoni tagħhom, iżda wkoll il-ħila tagħhom li jaħdmu flimkien biex joħolqu inizjattivi li jindirizzaw il-ħtiġijiet differenti taż-żgħażagħ, filwaqt li jħarsu lejn soċjetà aktar inklussiva u b’saħħitha,” stqarr is-segretarju parlamentari.

Il-parteċipanti mis-Servizzi ta’ Matul il-Jum u minn Sharing Lives ta’ Aġenzija Sapport ser jibbenefikaw ukoll minn sessjonijiet immexxija minn professjonisti ta’ Aġenzija Żgħażagħ.

Min-naħa tiegħu, Oliver Scicluna, il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, enfasizza kif permezz ta’ dan il-ftehim, Aġenzija Sapport qed tkompli ssaħħaħ il-kollaborazzjonijiet li għandha ma’ diversi entitajiet esperti f’oqsma differenti u għalhekk hi f’pożizzjoni li twassal servizzi u programmi aktar b’saħħithom dejjem bl-għan li tiżdied l-inklużjoni fil-komunità.

Dan il-ftehim ser ikun qed isarraf f’sessjonijiet informattivi għal persuni b’diżabilità dwar diversi suġġetti ta’ interess u użu għalihom grazzi għall-kontribut ta’ kordinaturi mħarrġa minn Aġenzija Żgħażagħ.

Min-naħa tagħha, Miriam Teuma, il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ, tat spjega tal-firxa ta’ programmi u servizzi frott ta’ dan il-ftehim. “Fost il-programmi li se jkunu qed jitħaddmu hemm SAFER, li jiffoka fuq kif iż-żgħażagħ jistgħu jinnavigaw b’mod sigur fid-dinja diġitali, u Take a Stand, li jinkoraġġixxi lit-tfal u ż-żgħażagħ jieħdu r-riedni f’idejhom u jagħrfu s-saħħa tagħhom biex jieħdu deċiżjonijiet b’saħħithom. Barra minn hekk, ser jiġu organizzati wkoll inizjattivi li jiffukaw fuq ir-relazzjonijiet personali u soċjali f’ħajjitna, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex,” qalet il-kap eżekuttiv.

Ekonomija

Sport