Wednesday, September 17, 2025

Aktar inkwiet għall-Gvern Ingliż

Aqra wkoll

Il-kriżi li qed taħkem lil prim ministru Ingliż Sir Keir Starmer aggravat aktar lejlet iż-żjara ta’ Donald Trump fir-Renju Unit. Ir-riżenja ta’ Paul Ovenden, it-tielet alleat anzjan f’ġimagħtejn qajmet aktar mistoqsijiet dwar l-istabbiltà tal-gvern Ingliż.

Ovenden irriżenja minn direttur tal-istrateġija politika tal-prim ministru wara l-pubblikazzjoni ta’ messaġġi qodma fejn huwa jirrakkonta ċajt oxxen li sar waqt festa dwar il-membru parlamentari Laburista Diane Abbott.

Ir-riżenja ta’ Ovenden ġiet wara ġimagħtejn diffiċli li fihom Keir Starmer ra t-tluq tad-deputat prim ministru tiegħu, Angela Rayner, kif ukoll tal-ambaxxatur għall-Amerika Peter Mandelson.

Il-kritiċi interni ta’ Starmer jgħidu wkoll li huwa naqas milli jikkundanna b’mod qawwi biżżejjed il-protesta tal-lemin estrem f’Londra matul tmiem il-ġimgħa, kif ukoll lin-nies li organizzawha.

It-tensjonijiet dwar il-marċ qajmu biżgħat fost ħafna membri parlamentari Laburisti dwar jekk il-gvern hux qed “jiltaqa’ mal-mument”, li xi wħud sejħulu “emerġenza progressiva”.

Starmer qatta’ t-Tnejn filgħaxija fil-House of Commons, jivvota fuq l-abbozz ta’ liġi dwar id-drittijiet tal-ħaddiema, f’mossa li xi wħud fil-partit interpretawha “biex iserraħ ras il-membri parlamentari tiegħu.”

Huwa kien qed jittama li juża ż-żjara statali tal-President tal-Istati Uniti bħala pjattaforma biex jerġa’ jiffoka l-attenzjoni fuq l-aġenda ekonomika u tal-politika barranija tiegħu.

Minflok, Trump se jasal biex jiltaqa’ ma’ prim ministru li qed jiġi kkritikat kemm mil-lemin kif ukoll mix-xellug tal-partit tiegħu stess. L-alleati ta’ mexxejja alternattivi qed jitkellmu dwar il-prospetti tal-kandidati tagħhom li jsalvaw il-pożizzjoni tal-gvern.

Starmer aċċetta r-riżenja ta’ Ovenden wara li ġie żvelat li kien skambja messaġġi ma’ ħabib tmien snin ilu fejn irrakkonta b’ċajta konverżazzjoni li kienet seħħet f’festa l-lejla ta’ qabel.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport