Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg, inawgura l-lukanda ġdida VOCO Hotel f’San Ġiljan, investiment ta’ €40 miljun imwettaq mill-Eden Leisure Group, bħala parti mill-InterContinental Hotels Group. Din il-lukanda ta’ ħames stilel, li tinkludi 168 kamra moderna, hija xiehda ta’ kemm is-settur privat għandu fiduċja fl-ekonomija Maltija u jemmnu fil-futur tat-turiżmu f’pajjiżna.
Malta qed tkompli tikkonsolida l-pożizzjoni tagħha bħala waħda mill-aktar destinazzjonijiet importanti internazzjonalment fid-dinja tat-turizmu. Fl-ewwel tmien xhur tal-2025, in-nefqa tat-turisti f’pajjiżna żdiedet bi 18.2% meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel, riżultat li juri t-tkabbir b’saħħtu u sostenibbli li qed jesperjenza s-settur turistiku Malti.
Barra minn hekk, skont ċifri ppubblikati minn Eurostat, Malta kklassifikat l-ewwel fost il-pajjiżi Ewropej għan-numru ta’ ljieli ta’ akkomodazzjoni, li żdiedu bi kważi 13% fl-ewwel nofs tas-sena. Is-settur turistiku Malti qed ikompli jikber b’rata li mhux biss taqbeż il-medja Ewropea, iżda anke dik ta’ ħafna pajjiżi oħra fil-Mediterran.
Dr Abela enfasizza li dan it-tkabbir huwa frott ta’ għażliet strateġiċi u t-twettieq ta’ inizjattivi b’saħħithom, bl-għan li pajjiżna jkollu tkabbir ekonomiku sostenibbli. Huwa tenna li permezz tal-Malta Vison 2050 pajjiżna qed iħares lejn futur fejn it-turiżmu jibqa’ jiffoka fuq il-kwalità, aktar milli fuq il-kwantità.
Il-Prim Ministru tenna kif il-Gvern se jkompli isostni l-bażi għal turiżmu sostenibbli permezz ta’ infrastruttura aħjar u kollaborazzjoni b’saħħita bejn is-settur pubbliku u dak privat.
Bil-bini tal-lukanda VOCO, Eden Leisure Group qed ikomplu jsaħħu r-relazzjoni mal-kumpanija IHG Hotels Group, hekk kif din hija t-tielet lukanda li qed titmexxa minn din il-kumpanija internazzjonali f’pajjiżna. Dan l-investiment jibqa jpoġġi lil Malta fuq il-mappa bħala destinazzjoni ta’ turiżmu ta’ kwalità li tgħaqqad l-ospitalità mal-innovazzjoni.

