Friday, June 20, 2025

AKTAR INVESTIMENT FIL-KORPI DIXXIPLINATI 

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union qed tkompli tkun katalista fit-tisħiħ tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema membri tagħha, u dan permezz ta’ ftehimiet kollettivi li qed jiġu ffirmati ma’ diversi entitajiet u kumpaniji minn żmien għal żmien. Ftehimiet li permezz tagħhom, il-ħaddiema mhux biss qed jieħdu dak li ħaqqhom u li huma intitolati għalih, imma wkoll qed jibbenefikaw minn aktar inizjattivi li se jsarrfu f’titjib fil-kwalità tal-ħajja tagħhom. Dan ukoll fil-kuntest li jekk il-ħaddiem ikollu kundizzjonijiet tajbin fuq il-post tax-xogħol fejn jaħdem.

Il-ħaddiema tal-Korpi Dixxiplinati wkoll qed jaraw il-frott tan-negozjati li jsiru u l-iffirmar sussegwenti tal-ftehimiet. Fil-fatt, dan l-aħħar tħabbar ukoll li l-maġġoranza tal-membri fi ħdan il-GWU approvaw il-ftehim settorjali ġdid bejn il-Forzi Armati ta’ Malta u l-GWU, li se jsarraf f’pagi u kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar għas-suldati. Għalhekk il-pass li jmiss huwa l-iffirmar tal-ftehim, li tassew jixraq lil dawn il-ħaddiema għall-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom f’ħidmiethom ta’ kuljum, lejl u nhar. 

F’dan ir-rigward, wieħed ma jistax ma jsemmix kif dan huwa l-aktar Gvern fl-istorja li ħadem biex jagħti kundizzjonijiet u drittijiet lill-ħaddiema tal-Korpi Dixxiplinati. U għal darba oħra, qed jerġa’ juri li qalbu tħabbat mal-ħaddiema filwaqt li qed ikompli jinvesti f’dak li jaħdmu għas-sigurtà tagħna.

Għalhekk ma nistgħux ma nfaħħrux il-ħidma li saret biex seta’ jintlaħaq dan il-ftehim. Quddiem dan kollu, inħarsu ’l quddiem b’ottimiżmu li dan l-investiment li qed isir fil-Korpi Dixxiplinati jkompli jissaħħaħ. Wara kollox, aktar investiment f’dwn il-ħaddiema, ifisser investiment akbar fis-sigurtà ta’ pajjiżna. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport