Sunday, May 19, 2024

Aktar investiment fil-kunsilli lokali

Aqra wkoll

Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun ingħaqad ma’ numru ta’ kunsilli oħra li kisbu appoġġ mill-aġenzija LESA, fejn ingħataw finanzjament għal żewġ vetturi elettriċi, b’waħda minnhom biex tintuża mill-ħaddiema tal-kunsill u l-oħra biex taqdi l-ħtiġijiet tar-residenti tal-lokalità taż-Żejtun.

Iż-żewġ vetturi ġew iffinanzjati minn fondi tal-aġenzija LESA li ħarġet 80% tan-nefqa – €87,000, bil-bqija tal-fondi jinħarġu mill-kunsill lokali taż-Żejtun.

Il-finanzjament huwa skont ftehim li kien sar tliet snin ilu u li bih inħoloq fond, iffinanzjat mill-aġenzija LESA, biex isostni proġetti mressqa mill-kunsilli lokali. Fl-aħħar tliet snin il-LESA ħarġet €3.3 miljun lill-kunsilli lokali biex isarrfuhom fi proġetti għal komunitajiet tagħhom.

F’kelmtejn waqt iċ-ċerimonja tal-għoti taż-żewġ vannijiet elettriċi, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri rrefera kif il-flus li l-LESA ddaħħal mit-taħrikiet, wara li jinqatgħu l-ispejjeż, tgħaddihom lura lill-komunitajiet bi sħab mal-kunsilli lokali. “Il-LESA qed tinvesti fil-komunitajiet f’oqsma li jaffettwa b’mod pożittiv il-ħajja tan-nies. L-impenn tagħna jibqa’ dak li nibqgħu sejrin b’dan it-tip ta’ investiment għall-komunitajiet tagħna,” tenna l-Ministru Camilleri.

Fil-fatt, għat-tliet snin li ġejjin, il-kunsilli lokali se jintalbu jressqu proġetti biex itejbu s-sigurtà fil-lokalitajiet tagħhom; għal trasport alternattiv u nadif; għal infrastruttura moderna; għal ħarsien tal-wirt storiku u inizjattivi għal ambjent aħjar. Kif tħabbar fil-Budget 2024, il-LESA se tinvesti wkoll fi proġetti teknoloġiċi fil-qasam tas-sigurtà fil-qalba tal-komunitajiet bl-użu ta’ cameras CCTV bħala deterrent u kontra aġir kriminali jew abbużi fil-komunitajiet.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet, “Permezz ta’ proġetti jew inizjattivi bħal dawn, inkunu tassew qed niffaċilitaw il-ħajja tar-residenti, speċjalment dawk anzjani. Fl-istess waqt il-Kunsilli Lokali qegħdin jibqgħu jaqdu l-funzjonijiet ewlenin tagħhom, dawk li jippromwovu komunitajiet aktar b’saħħithom. B’kollaborazzjoni mal-LESA, qegħdin ukoll jagħmlu użu tajjeb tad-dħul mill-kontravenzjonijiet billi jerġgħu jinvestuhom fil-komunità nnifisha, fi proġetti importanti li jkomplu jixprunaw il-komunità.”

Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm ukoll is-Sindku taż-Żejtun Doris Abela u l-Kap Eżekuttiv tal-LESA Svetlick Flores.

Sport