Saturday, February 8, 2025

Aktar investiment fit-taħriġ tal-impjegati tal-Awtorità tal-Artijiet

Aqra wkoll

L-Awtorità tal-Artijiet hija mpenjata tkompli tinvesti fit-taħriġ tal-impjegati tagħha biex tkun f’pożizzjoni li tagħti l-aqwa servizz f’dak li huwa immaniġġjar ta’ artijiet u propjetajiet tal-Gvern bl-aktar mod sostenibbli.

Dan intqal mill-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi meta kien qed jitkellem fil-Parlament fid-diskussjoni dwar ir-Rapport Annwali dwar l-Iżvilupp Sostenibbli.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi faħħar l-inizjattiva tal-Awtorità li b’kollaborazzjoni mal-Universita ta’ Malta, inħoloq kors apposta għall-impjegati tal-Awtorità dwar l-immaniġjar tal-artijiet tal-Gvern fuq bażi sostenibbli. Huwa qal li dan juri d-direzzjoni li trid tieħu l-Awtorità biex ikollha l-impjegati tagħha imħarrġa ħalli jkunu jistgħu jagħtu l-aqwa servizz lill-pajjiż u lill-Maltin u l-Għawdxin. Huwa saħaq li t-taħriġ kontinwu tal-impjegati għandu jkun impenn ta’ kull entita tal-Gvern u assigura li l-Awtorità tal-Artijiet ser tibqa’ taħdem f’din id-direzzjoni.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Zrinzo Azzopardi tkellem dwar l-importanza li l-Awtorità tal-Artijiet qegħda dejjem tara li jkollha policies li l-art u l-propjetajiet tal-Gvern li hija tamministra jintużaw bl-aktar mod effiċjenti u li jintużaw bl-aħjar mod possibbli. L-Awtorità trid tara li binjiet eżistenti, speċjalment dawk li mhux jintużaw jew li għandhom bżonn riġenerazzjoni jew restawr, jingħataw ħajja ġdida.

Artijiet u proprjetajiet lil SportMalta

F’dan l-isfond, il-Ministru Zrinzo Azzopardi rrefera għall-użu tajjeb li jsir minn propjetajiet u artijiet tal-Gvern meta dawn jgħaddu għand Sport Malta biex minnhom jibbenefikaw ħafna għaqdiet sportivi u b’hekk ikunu qed igawdu eluf ta’ Maltin u Għawdxin li jipprattikaw kull tip ta’ sport. Dan qed isir b’kollaborazzjoni kontinwa mal-Ministeru tal-Edukazzjoni u saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li għadd kbir ta’ faċilitajiet tal-Gvern bħalma huma l-iskejjel, ma jintużawx biss fil-ħinijiet tal-iskola imma jsir l-aqwa użu minnhom f’ħinijiet oħra. Huwa qal li għandha ssir diskussjoni wiesgħa mal-Kunsilli Lokali biex dan il-għan jintlaħaq. Barra minn hekk, qed ikompli jikber in-numru ta’ devoluzzjonijiet li jsiru mill-Awtorità tal-Artijiet lill-Kunsilli Lokali u dan huwa wkoll mezz ieħor kif propjetajiet tal-Gvern isir l-aqwa użu minnhom b’riżq il-komunitajiet.

Il-Fortizza ta’ Bengħajsa ser tingħata lura lin-nies

Huwa rrefera wkoll għal dak li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela nhar il-Ħadd li għadda meta qal li issa wasal iż-żmien li jintemmu l-illegalitajiet kollha li hemm fil-Fortizza ta’ Bengħajsa f’Birżebbuġa u din il-fortizza tingħata lura lin-nies.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li l-Awtorità tal-Artijiet bħalissa qed tieħu l-passi meħtieġa biex tara li tieħu lura f’idejha din il-fortizza storika li ilha bosta snin okkupata illegalment. Se jkun qed jitfassal pjan dwar kif din il-fortizza ser tiġi riġenerata ħalli dan il-post storiku jibda jitgawda minn kulħadd u b’mod partikolari tibbenefika minnu il-kommunita ta’ Birżebbuġa. Il-Gvern huwa impenjat li jwettaq proġett ta’ restawr u riġenerazzjoni ta’ dan is-sit.

Il-Ministru saħaq li barra minn hekk, ser ikun hemm siti oħrajn li ser jgħaddu mill-istess proċess ħalli jkun żgurat li dawn is-siti storiċi jingħataw użu aktar xieraq u jibdew jitgawdew minn kulħadd. Dan jista’ jsir, qal il-Ministru, b’kollaborazzjoni bejn l-Awtorità tal-Artijiet u entitajiet governattivi oħra bħar-Restoration Unit u Heritage Malta flimkien mal-Kunsilli Lokali.

L-aqwa deċiżjonijiet dwar l-art agrikola

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi fid-diskors tiegħu fil-Parlament tkellem dwar l-importanza ta’ l-aqwa amministrazzjoni tal-art agrikola u semma kif l-Awtorità tal-Artijiet ser iżżid il-kollaborazzjoni tagħha mad-Dipartiment tal-Agrikoltura biex jittieħdu l-aqwa deċiżjonijiet dwar artijiet li jkunu ser jingħataw għal skop agrikolu.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi stqarr ukoll li bħalma għamlet matul l-2024, l-Awtorità tal-Artijiet ser tkompli jfittex artijiet pubbliċi biex tgħaddihom lil Project Green ħalli dawn jiġu żviluppati fi spazji miftuħa. Huwa qal li meta qed jagħmel dan, il-Gvern qed jagħżel li jgħaddi lil Project Green artijiet li setgħu jiġu żviluppati imma minflok jingħataw għal spazji miftuħa u b’hekk ikun qed iwettaq wegħda ewlenija li għamel fl-aħħar elezzjoni.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li riforma oħra li għaddejja bħalissa u li ser tgħin biex ikollna amminisrazzjoni aħjar tal-art f’pajjiżna hija dik tas-Sistema tar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet. Ir-riforma taħseb biex sal-2035, kull bejgħ jew xiri ta’ propjeta jkun irid jiġi reġistrat mal-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet. Bħalissa għaddejja konsultazzjoni pubblika dwar din ir-riforma, liema konsultazzjoni tagħlaq fl-aħħar ta’ dan ix-xahar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport