Sunday, November 10, 2024

AKTAR INVESTIMENT FL-EDUKAZZJONI

Aqra wkoll

Filwaqt li ninsabu fix-xhur tas-sajf u l-iskejjel ħafna minnhom huma involuti fi Skolasajf, hija xhieda li l-ħidma tal-awtoritajiet ma waqfitx għall-vaganzi tas-sajf. 

Għalhekk ninnotaw b’sodisfazzjon li wara sentejn ta’ pandemija, l-awtoritajiet edukattivi reġgħu fetħu l-iskejjel tas-sajf biex l-edukazzjoni tal-istudenti, għalkemm b’mod differenti ma tkunx interrotta jew imwaqqfa għal dawn il-vaganzi tas-sajf.

Huwa ta’ min ifaħħar ukoll illi f’dan il-perjodu fejn ma jkunx hemm lezzjonijiet fiżiċi, l-awtoritajiet edukattivi jaħtfu l-opportunità biex jirranġaw u fejn meħtieġ jagħtu manutenzjoni lill-iskejjel b’mod ġenerali. Dan biex jagħmluhom aktar siguri għall-istudenti tagħna u joffrulhom l-aħjar ambjent possibbli. 

Eżempju ta’ kemm il-Gvern qed ikompli jinvesti fl-edukazzjoni huwa l-manutenzjoni estensiva li qed issir fl-iskola Primarja tal-Mellieħa li tinkludi wkoll estensjoni b’investiment ta’ €17.7 miljun. 

Dan il-proġett huwa intenzjonat kemm biex titkabbar l-iskola f’din il-lokalità kif ukoll biex l-iskola tiġi modernizzata bi spazji edukattivi moderni, aċċessibbli u komdi għall-istudenti u l-għalliema. Fil-fatt dan l-iżvilupp se jakkomoda numru akbar ta’ studenti mill-iskola eżistenti u jara wkoll li l-binja tissodisfa r-rekwiżiti għall-iskejjel f’dak li huwa sigurtà u spazji miftuħa. 

Fil-binja l-ġdida se jinbnew tmien klassijiet ġodda tal-kindergarten u 26 klassi ġdida għal-livell primarju. Din il-binja se jkollha wkoll faċilitajet għall-edukaturi u għall-ħaddiema li jagħtu servizzi anċillari, kamra għall-ewwel għajnuna, guidance room, librerija, gym, u sala. Il-gym u s-sala se jkunu jistgħu jintużaw mill-komunità lokali wara l-ħinijiet tal-iskola u għalhekk se jkollhom entraturi separati.

Dan il-proġett jirrifletti wkoll il-politika tal-Gvern li tmexxi ‘l quddiem id-diversità, l-inklużjoni u l-opportunitajiet indaqs permezz tal-istrateġija edukattiva li biha l-awtoritajiet qed jieħdu inizjattivi biex jindirizzaw il-ħtiġijiet, l-interessi u l-abbiltajiet differenti tat-tfal.

Nemmnu li malli jitlesta dan il-proġett, din l-iskola se toffri ambjent modern u li jixraq għall-edukazzjoni ta’ wliedna, għall-għalliema, l-amministrazzjoni kif ukoll il-ħaddiema kollha li jagħtu s-servizz tagħhom fiha.

Wieħed ukoll ma jridx jinsa li f’istituzzjonijiet edukattivi oħrajn ta’ livell għoli fosthom dawk fil-livell terzjarju, fejn qegħdin ikunu offruti aktar korsijiet kemm fl-edukazzjoni vokazzjonali u kif ukoll fix-xjenzi.

Il-proġett tal-Mellieħa huwa biss eżempju wieħed mill-ħidma kbira li qiegħda ssir f’diversi skejjel li fihom qed issir manutenzjoni estensiva. Għandna għax nifhmu li dawn l-investimenti se naraw aktar bħalhom fix-xhur li ġejjin, turija ta’ kemm il-Gvern tassew qiegħed jagħti prijorità lil dan il-qasam li fl-aħħar mill-aħħar jissarraf f’futur edukattiv aħjar għal uliedna u wlied uliedna. 

Sport