Monday, September 1, 2025

AKTAR INVESTIMENT FL-INFRASTRUTTURA

Aqra wkoll

Hu fatt li kull min jgħaddi mit-toroq Maltin se jara li għaddejjin diversi xogħlijiet infrastrutturali. Xogħlijiet li jvarjaw kemm minn irranġar u twessiegħ ta’ toroq sa proġetti oħra marbutin mat-tisħiħ tad-distribuzzjoni tal-enerġija. Proġetti li meta jitlestew wieħed jibda jgawdi l-benefiċċji tagħhom.

Ninnutaw kif matul dawn l-aħħar snin, il-Gvern alloka investiment bla preċedent fi proġetti infrastrutturali kbar biex f’pajjiżna jkollna toroq aħjar fil-lokalitajiet kollha. Dan għaliex is-suġġett tal-infrastruttura ta’ spiss ikun fil-qalba tad-diskussjoni politika. 

Dan l-aħħar smajna bi proġetti infrastrutturali li beda għaddej xogħol fuqhom, oħrajn li jinsabu fi stadju avvanzat u anke dawk li hemm ippjanati għaż-żmien li ġej. Wieħed minn dawn il-proġetti huwa dak tal-Imsida Creek. Proġett li miexi b’ritmu tajjeb ħafna, tant li fl-aħħar jiem twaħħlet b’suċċess waħda mill-aħħar strutturi li jiffurmaw l-flyover tal-Imsida Creek, u dan kollu seħħ f’inqas minn għaxar xhur minn mindu beda dan il-proġett. Dan it-tragward jimmarka pass ieħor importanti ’il quddiem f’wieħed mill-akbar proġetti infrastrutturali li għaddejjin fil-pajjiż bħalissa.

F’dan ir-rigward, ninnutaw ukoll b’sodisfazzjon l-aħbar li l-flyover il-ġdida mistennija tinfetaħ għat-traffiku sal-aħħar ta’ din is-sena, proprju kif skedat. Dan il-proġett jirrappreżenta mhux biss titjib sostanzjali fil-konnettività, iżda ser joffri spazji pubbliċi ġodda fil-qalba ta’ din il-lokalità filwaqt li jindirizza l-problema tal-għargħar. 

Wieħed jista’ wkoll jinnota li proġett infrastrutturali fuq skala nazzjonali qed jiġi implimentat minn kumpaniji Maltin, li mhux biss qed iwettqu xogħol ta’ kwalità għolja, imma wkoll qed juru b’mod ċar it-talent, id-dedikazzjoni u l-kapaċitajiet teknoloġiċi li għandna f’pajjiżna.

Nemmnu għalhekk li proġett bħal dan u oħrajn se jkomplu jagħtu bixra moderna lil pajjiżna kif jixraq fis-snin li ġejjin. Bl-enfasi għandha tibqa’ dik li tiġi provduta infrastruttura denja, li tixraq lill-pajjiż u li twassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport