Friday, July 18, 2025

Aktar investiment privat li jrendi turiżmu ta’ kwalità

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-lukanda DoubleTree by Hilton f’Buġibba u l-lukanda Fitch f’San Ġiljan li sar investiment privat fihom bil-għan li jkompli jiġi attirat turiżmu ta’ kwalità. Waqt dawn iż-żjarat il-Prim Ministru nnota kif investimenti bħal dawn juru l-fiduċja li l-investituri għandhom f’pajjiżna, fl-ekonomija tagħna, u fil-futur tas-settur turistiku.

Pajjiżna qiegħed kulma jmur isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu bħala destinazzjoni ewlenija fix-xenarju turistiku globali. Dan hekk kif is-settur turistiku f’Malta qed jirreġistra tkabbir li jisboq mhux biss il-medji Ewropej, imma anke dawk tal-pajjiżi Mediterranji. Il-Prim Ministru semma kif dan is-suċċess huwa riżultat t’għażliet u strateġiji ċari, u implimentazzjoni ta’ bosta inizjattivi ambizzjużi, ilkoll immirati lejn tkabbir ekonomiku sostenibbli. Huwa rrimarka kif il-Viżjoni Malta 2050 qed tħares lejn settur turistiku bbażat dejjem aktar fuq il-kwalità, aktar mill-kwantità.

Dr Abela nnota b’sodisfazzjon kif matul ix-xahar ta’ Mejju, mhux biss żdiedu n-numru ta’ turisti li żaru pajjiżna, iżda żdiedet ukoll in-nefqa meta mqabbla mal-istess perjodu s-sena l-oħra. Huwa żied jgħid li l-fatt li pajjiżna qed jirreġistra numru sostanzjali ta’ turisti matul is-sena kollha, qed iwassal għal aktar investiment u innovazzjoni min-naħa tas-settur privat, investiment li fl-aħħar mill-aħħar qed jgħin biex ikompli jissaħħaħ il-prodott turistiku Malti.

B’investiment ta’ €22 miljun minn Tumas Group, il-lukanda DoubleTree f’Buġibba hija t-tieni lukanda f’pajjiżna parti minn Hilton. Mgħammra b’485 kamra, il-lukanda DoubleTree toffri diversi faċilitajiet rikreazzjonali u turistiċi. Il-lukanda Fitch li tinsab fil-qalba ta’ San Ġiljan tirrappreżenta investiment b’suċċess min-naħa ta’ żewġ investituri Taljani, it-tnejn b’esperjenza estensiva fl-industrija tal-ospitalità.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport