Saturday, May 18, 2024

Aktar investimenti minn Infrastructre Malta għal titjib estensiv fil-Port il-Kbir

Aqra wkoll

Infrastructure Malta qed twettaq aktar investimenti biex tkompli ttejjeb l-attività kummerċjali fil-Port il-Kbir, partikolarment billi jinħolqu aktar faċilitajiet għal vapuri kbar.

L-aġenzija għaddejja b’ħidma kbira ta’ tħammil f’diversi żoni tal-port biex jitfannad fejn hemm faċilitajiet għall-irmiġġ u anke jitneħħa materjal ikkontaminat minn qiegħ il-baħar. B’hekk, diversi partijiet li jinsabu fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-Port il-Kbir se jsiru aktar aċċessibbli għal vapuri akbar, kemm tal-passiġġieri kif ukoll dawk li jġorru l-merkanzija.

Dan il-proġett b’investiment ta’ €7 miljun beda ħdejn il-moll ta’ Xatt l-Għassara tal-Għeneb (Deep Water Quay), fil-Marsa. Il-fond tal-baħar f’din iż-żona bħalissa huwa ta’ seba’ metri u se jiżdied għal għaxar metri. It-tħammil issa qed jissokta wkoll fil-parti ta’ ġewwa tal-port, kif ukoll fiż-żona ta’ Ras Ħanżir, fl-inħawi ta’ Kordin.

Qabel beda t-tħammil fil-port saru diversi stħarriġ biex ġie identifikat x’hemm f’qiegħ il-baħar kif ukoll taħtu, saru wkoll studji ġeotekniċi u anke ġew eżaminati kampjuni tal-materjal li hemm fl-inħawi qabel dan jittella’ minn qiegħ il-baħar. Il-materjal ikkontaminat qed jiġi esportat bil-baħar lejn il-Portugall biex jiġi trattat f’faċilità tal-immaniġġjar tal-iskart ikkontaminat. It-tħammil fil-Port il-Kbir mistenni jitlesta sa tmiem is-sena.

Fix-xhur li ġejjin, Infrastructure Malta se tvara wkoll il-proġett biex jitkabbru l-mollijiet għall-vapuri tal-passiġġieri fix-Xatt ta’ Pinto. Bit-tkabbir ta’ dawn il-mollijiet, vapuri kbar ikunu jistgħu jorbtu fil-port mingħajr il-ħtieġa tal-braken. 

Sadattant, għaddej ġmielu x-xogħol tal-Grand Harbour Clean Air Project (GHCAP) li jinkludi l-iżvilupp tat-tagħmir meħtieġ biex il-vapuri jkunu jistgħu jitfu l-magni tagħhom li jaħdmu bil-gass jew heavy fuel oil u minflok iqabbdu mas-sistema għall-provvista tal-elettriku li se jkun hemm fuq ix-xatt, sabiex iħaddmu l-makkinarju għas-servizzi kollha li jkun hemm bżonn jipprovdu waqt li jkunu weqfin fil-port. Dan l-investiment ta’ €49.9 miljun se jnaqqas b’aktar minn 90% t-tniġġis tal-arja mill-vapuri tal-passiġġieri u tal-merkanzija fil-Port il-Kbir. B’dan l-investiment kofinanzjat mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tal-Unjoni Ewropea, Infrastructure Malta qed tagħti arja aktar nadifa lil 17,000 familja li jgħixu madwar il-Port il-Kbir.

Għal aktar tagħrif u għajnuna, żur www.infrastructuremalta.com, ikkuntattja lil Infrastructure Malta fuq 2334 1000, [email protected] jew fuq Facebook, Twitter jew Instagram.

Sport