Thursday, January 22, 2026

Aktar kategorizzazzjoni ta’ stipendji preskritti u ta’ prijorità għolja fl-Università ta’ Malta u l-MCAST biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-kapital uman ta’ Malta

Aqra wkoll

L-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali ekonomiċi, ambjentali u soċjali ta’ Malta tiddependi mill-provvista tal-kompetenzi u l-ħiliet meħtieġa ta’ ħaddiema tal-lum u tal-futur. L-iżvilupp tal-kapital uman, li l-formazzjoni tiegħu huwa proċess fit-tul, għandu, sa fejn huwa possibbli, ikun allinjat ma’ tali strateġiji u pjanijiet nazzjonali jekk dawn iridu jkunu ta’ suċċess.

Għalhekk permezz tal-Bord tal-Għotjiet għall-Manteniment tal-Istudenti, kien hemm reviżjoni oħra tal-istrateġiji ewlenin u l-pjanijiet ta’ azzjoni ta’ Malta f’dan ir-rigward u, wara konsultazzjoni mal-partijiet konċernati, kien adottat qafas ġdid għall-klassifikazzjoni bħala ‘preskritti’ u ‘prijorità għolja’ ta’ korsijiet oħrajn offruti mill-Università ta’ Malta u l-Kulleġġ Malti għall-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST. Dawn il-korsijiet jingħaqdu ma’ oħrajn li kienu klassifikati bħala ‘preskritti’ u ‘prijorità għolja’ li tħabbru fis-snin riċenti.

B’dawn il-korsijiet li tħabbru bħala ‘preskritti’ u ‘prijorità għolja’, qed isir investiment ieħor b’mod dirett fl-istudenti li bħalissa qed isegwu l-korsijiet ta’ Social Work li jwasslu għall-warrant. B’din iż-żieda mħabbra llum, se jibbenefikaw madwar 60 student ieħor li jattendu l-Università ta’ Malta u l-MCAST.

Kemm il-Ministru Grima kif ukoll il-Ministru Falzon tkellmu b’mod partikolari dwar l-istipendji marbuta ma’ studenti li qegħdin fil-perkors edukattiv biex jiggradwaw bħala social workers.

“L-ikbar investiment li nistgħu nagħmlu huwa fl-aqwa riżors li għandu pajjiżna – ir-riżors uman,” qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima. “L-istipendji huma għodda li jassistu u jinkoraġixxu l-istudenti fil-perkors edukattiv tagħhom. Permezz tal-istipendju, wieħed jista’ jinċentiva studenti biex jagħżlu perkors edukattiv partikolari li jwassal għal opportunitajiet ta’ karrieri meħtieġa f’pajjiżna. Kien għalhekk li l-istudenti tal-Università u tal-MCAST li qed jistudjaw biex jiggradwaw bħala social workers se jibdew jibbenefikaw minn stipendju ta’ prijorità għolja, li jfisser aktar minn €444 fix-xahar,” qal il-Ministru Grima.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, qal li din hija xhieda ċara oħra ta’ kemm dan il-Gvern jemmen fil-potenzjal tal-istudenti. Tant li issa dawn l-istudenti se jkunu qed jingħataw stipendju meqjus bħala ‘prijorità għolja’, bi stipendju li jlaħħaq €444 fix-xahar. “Nemmnu bis-sħiħ f’din il-professjoni bil-fatti u mhux bil-paroli. Wegħedna li nsaħħu din il-qasam u l-għajnuna soċjali, u mhux biss qed insaħħu l-istipendji tal-istudenti imma anki l-karrieri f’dawn l-oqsma,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport