Saturday, November 9, 2024

“Aktar kemm jgħidulna nieqfu nsemmu lil Daphne, aktar se nsemmuha!”

Bernard Grech jisħaq li l-PN se jibqa’ jinsisti għal kwalità ta’ ħajja aħjar

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Irridu nkunu hemmhekk għal min qiegħed ibati. Irridu nkunu hemm biex niġġieldu għall-ġustizzja. Irridu nkunu hemmhekk biex niġġieldu għal-libertà. U iva rridu nkunu hemmhekk biex niġġieldu ħalli inti jkollok livell t’għajxien aħjar.”

Iddikjara dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech filwaqt li tkellem dwar il-bżonn li l-politiku jżomm il-kuntatt man-nies. Fakkar dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Saħaq li aktar kemm ma jridux li Daphne tibqa’ tissemma’, il-Partit Nazzjonalista iktar se jkompli jsemmiha għax din il-mara mietet għall-poplu. 

Grech saħaq li mal-mewt tagħha, waqaf il-blog li tant kien jinqara għax hemm kienet tinstab l-informazzjoni li ħaddieħor kien iħalli fid-dlam, iżda ma mititx il-kitba tagħha.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hemm ħafna modi kif jista’ jissaħħaħ il-Partit Nazzjonalista u li kull min jipprova jdgħajjef lill-uniku partit li jista’ jirrapreżenta lill-poplu fil-parlament, ikun qiegħed jagħmel ħsara lil pajjiżna.

B’ton ta’ rabja, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li din ir-rabja trid tinbidel fi grinta biex b’ħidma kontinwa l-partit jerġa’ jissaħħaħ biex jagħti tama ġdida lil dawk li qabdu jaqtgħu qalbhom minn dan il-pajjiż.

Grech qal li dan il-gvern ma tgħallem xejn mill-qtil ta’ Daphne. Qal li filwaqt li lil Daphne “sikktuha billi qatluha, lill-ġurnalisti kollha l-oħra, Robert Abela jrid jagħmililhom il-liġijiet biex jagħlqilhom ħalqhom”.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li se jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-gvern u li din il-ġimgħa stess, minkejja li mill-Oppożizzjoni, se jkun qiegħed jippreżenta d-dokument tal-budget. Huwa qal li din hija xi ħaġa li l-ebda Partit Laburista ma għamel mill-Oppożizzjoni, iżda li t-tim Nazzjonalista qiegħed jagħti l-indikazzjoni ta’ fejn jixtiequ jieħdu lill-pajjiż.

Tkellem dwar il-ħidma bħala partit u li fost laqgħat li kellu bħala mexxej tal-Partit fil-Mosta kien hemm mara li baqgħet stampata f’qalbu.

Kompla biex jgħid li din il-mara qaltlu li biex marret tkellmu kellha ttella’ u tniżżel jekk taħlix il-flus fil-fuel biex tmur tkellmu jew tibża’ għalih biex tkun tista’ tmur għal bintha. Żied jgħid li madanakollu din il-mara għażlet li tmur titolbu l-għajnuna għax mhix tlaħħaq mal-għoli tal-ħajja. 

“Lil dik il-mara jiena wegħedtha li flimkien mat-tim kollu se nkomplu naħdmu biex il-poplu verament ikollu kwalità ta’ ħajja aħjar”, temm jgħid Bernard Grech filwaqt li appella lil dawk kollha li jixtiequ jissieħbu fil-partit “glorjuż” tal-Partit Nazzjonalista biex jiftakru fl-istorja tal-istess partit.

Sport