Malta ngħaqdet ma’ 27 pajjiż ieħor fosthom ir-Renju Unit fil-kundanna tagħhom għall-atroċitajiet li Iżrael qed iwettaq f’Gaża, filwaqt li appellaw għal tmiem immedjat tal-gwerra. Dan għamluh fi sfond li t-tbatija tan-nies ċivili f’Gaża laħqu livelli ġodda. L-Iżrael ġie akkużat li qed iċaħħad lill-Palestinjani mid-dinjità umana tagħhom.
Intant. is-Segretarju tal-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit, David Lammy, ingħaqad ma’ ministri mill-Awstralja, il-Kanada u Franza biex iħeġġeġ lill-gvern Iżraeljan biex ineħħi r-restrizzjonijiet fuq id-dħul tal-għajnuna u sostna li t-tbatija tan-nies ċivili kienet laħqet livelli ġodda.
Huma ddeskrivew ukoll proposti mill-ministru tad-difiża Iżraeljan, Israel Katz, biex 600,000 Palestinjan jiġu trasferiti lejn l-hekk imsejħa belt umanitarja f’Rafah, żona li ġarrbet ħsara kbira mill-bombi Iżraeljani, bħala kompletament inaċċettabbli.
Fil-Kumitat tal-House of Commons, il-prim ministru Ingliż Keir Starmer, wissa li s-sitwazzjoni f’Gaża kienet intollerabbli waqt tenna wkoll l-impenn tar-Renju Unit li jirrikonoxxi stat Palestinjan fi żmien l-aktar favorevoli għall-prospetti ta’ paċi fir-reġjun.
Nhar it-Tnejn, Iżrael nieda attakki qawwija mill-ajru u operazzjoni fuq l-art f’Gaża, immirati lejn Deir al-Balah, iċ-ċentru ewlieni għall-isforzi umanitarji fit-territorju Palestinjan imfarrak, fost twissijiet ta’ ġuħ li qed jikber.
L-aħħar attakk tnieda ġurnata wara l-ogħla għadd ta’ mwiet f’21 xahar ikkaġunat mill-militar Iżraeljan fuq Palestinjani ddisprati li qed ifittxu għajnuna għall-ikel, b’mill-inqas 85 maqtula f’dak li sar qtil ikrah u kważi ta’ kuljum.
Il-maġġoranza ta’ dawk maqtula nhar il-Ħadd kienu miġbura ħdejn iċ-ċint tal-fruntiera ma’ Iżrael bit-tama li jiksbu dqiq minn konvoj tal-għajnuna tan-NU meta ġew sparati tiri minn tankijiet u snipers Iżraeljani.
Keir Starmer ġie taħt pressjoni minn membri parlamentari, inkluża Emily Thornberry, li tippresjedi l-kumitat tal-affarijiet barranin, biex jirrikonoxxi stat Palestinjan. Xi pajjiżi tal-Punent mistennija jagħmlu dan il-pass dan ix-xahar.
Fi stqarrija nhar it-Tnejn, il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tas-27 pajjiż appellaw lil Iżrael biex ineħħi immedjatament ir-restrizzjonijiet fuq id-dħul tal-għajnuna u biex jippermetti b’urġenza lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-NGOs umanitarji jagħmlu xogħolhom.
Wara mblokk ta’ xahrejn fuq il-biċċa l-kbira tal-konvojs tal-għajnuna umanitarja li tidħol f’Gaża wassal biex kważi 2.1 miljun resident tat-territorju f’xifer il-ġuħ. Il-Fondazzjoni Umanitarja ta’ Gaża appoġġjata mill-Istati Uniti u l-Iżrael issorveljat operazzjoni kaotika, u ħafna drabi fatali.
Il-mudell tal-għoti tal-għajnuna tal-gvern Iżraeljan huwa perikoluż, iqanqal l-instabbiltà u jċaħħad lill-abitanti ta’ Gaża mid-dinjità umana. Għaldaqstant, il-ministri tal-affarijiet barranin ikkundannaw l-għoti ta’ għajnuna bil-mod il-mod u l-qtil inuman taċ-ċivili, inklużi t-tfal, li qed ifittxu li jkollhom l-aktar bżonnijiet bażiċi tagħhom ta’ ilma u ikel.