Sunday, March 22, 2026

Aktar ma jitwal il-kunflitt fil-Golf aktar naraw  l-impatt  fuq il-prezzijiet ta’ dak impurtat

- Il-Bank Ċentrali

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Għaddew 23 jum minn meta l-Istati Uniti u Iżrael attakkaw l-Iran. Kunflitt li kif mistenni għolla sew il-prezz taż-żejt li  minn $70-il barmil tela’ għal ftit aktar minn $110-il barmil. 

Il-prezz tal-gass ukoll għola sostanzjalment, l-aktar wara l-attakki li saru fuq impjanti tal-gass fl-Iran u fil-Qatar.  Ma’ dawn, il-kunflitt wassal biex ġew affettwati l-provvisti tal-aluminju u dan il-fatt ikkawża żidiet fil-prezz. Materjal essenzjali fl-elettronika, it-trasport, u l-kostruzzjoni, kif ukoll f’industriji oħra bħall-pannelli solari u l-ippakkjar, il-provvisti tal-aluminju ġew affettwati bil-kbir mill-instabbilità fl-Istrett ta’ Hormuz. Apparti dan hemm tħassib kbir minħabba l-prezzijiet ta’ prodotti tal-ikel u dan  minħabba l-fatt li r-reġjun tal-Golf huwa produttur ewlieni tal-fertilizzanti. Hu kkalkulat li l-prezzijiet tal-fertilizzanti żdiedu minn 30 fil-mija sa 40 fil-mija minħabba l-gwerra fl-Iran.  Dan mistenni jaffettwa l-produzzjoni ta’ agrikoli u għalhekk il-prezzijiet ta’ prodotti agrikoli mistennija jogħlew.

IT-TORĊA stħarrġet dwar l-inflazzjoni u kif din tista’ tiżdied fil-ġimgħat li ġejjin. Tkellimna mal-Bank Ċentrali, li saħaq li aktar ma jdum il-kunflitt, aktar wieħed se jara l-impatt fuq il-prezzijiet ta’ prodotti importati.

Nistaqsu kif proprju ftit sigħat wara li beda l-kunflitt mal-Iran, rajna l-prezz taż-żejt jogħla għal $80 lbarmil u baqa’ tiela’ għal aktar minn $110 ‘lbarmil.  Ovvjament dan tqies bħala xokk. Staqsejna lill-Bank Ċentrali kif jara li dan se jaffettwa lil pajjiżna?

Il-Bank Ċentrali jgħidilna li “l-Gvern Malti sa minn żmien il-pandemija kien iffissa il-prezzijiet tal-elettriku u tal-petrol u dijżil, u l-inflazzjoni għal konsumatur lokali kienet zero matul dawn is-snin f’dan ir-rigward. 

Jidher li l-gvern se jkompli b’din il-politika minkejja ż-żieda riċenti fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija u għaldaqstant l-impatt dirett mhux se jinħass. Madanakollu, dan ma jfissirx li din iż-żieda fil-prezz internazzjonali mhux se taffettwa lil pajjizna. L-ewwelnett, se jkun hemm impatt fuq il-qagħda fiskali tal-gvern billi dan se jfisser żieda fin-nefqa fuq sussidji, u jekk il-gvern irid jilħaq il-miri fiskali tiegħu irid jara kif se jżid id-dħul jew innaqqas minn xi nefqa oħra. 

Iżda apparti dan, jekk kemm il-darba il-pajjiżi mnejn nimpurtaw il-bżonnijiet tagħna mhumiex se jassorbu din iż-żieda fil-prezz internazzjonali tal-enerġija u jgħadduha fuq il-konsumatur, dan ifisser li dak li nimpurtaw jista’ jkollu prezz għola. Però dan jiddependi ħafna kemm se jtul dan il-kunflitt. Iktar ma jitwal fi żmien, għandna aktar naraw l-impatt tiegħu fuq il-prezzijiet ta’ dak li nimpurtaw.”    

Nistaqsuh dwar ir-restrizzjonijiet fl-iStrett ta’ Hormuz u kif dan bla dubju se jaffettwa b’mod qawwi l-kummerċ. Mistoqsi dwar x’inhuma l-previżjonijiet, il-Bank Ċentrali qalilna li “naturalment jekk jingħalaq l-iStrett ta’ Hormuz, jew anki isir perikoluż wisq biex vapuri jgħaddu minn hemm u jkollhom jaqbdu rotta ġdida u itwal, dan se jfisser aktar dewmien biex il-prodotti jaslu fi d-destinazzjoni tagħhom u jaslu bi spiża akbar fi trasport. Dan ikollu impatt fuq il-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti fis-suq, filwaqt li jista’ jkollok ukoll skarsezza ta’ prodotti li qabel kienu jgħaddu minn dan l-iStrett. Għadu  ftit kmieni u rridu niġbru aktar informazzjoni biex inkunu f’qagħda li nikkwantifikaw dawn l-effetti.”   

Meta mistoqsi dwar l-inflazzjoni u jekk din hux se tkun qed togħla fil-ġimgħat li ġejjin, il-Bank Ċentrali qalilna li “dan jiddependi ħafna kemm idum il-kunflitt. Billi l-ispejjeż lokali tal-enerġija se jibqgħu stabbli, dan għandu jgħin biex inaqqas l-impatt fuq il-produtturi lokali. Madanakollu, wieħed ma jistax jeskludi li ċertu prodotti importati minn barra jistgħu jogħlew jekk l-ispiża tal-enerġija f’dawn il-pajjiżi tiżdied u din tibqa’ għolja għal tul ta’ żmien. Kollox jiddependi kemm se jieħu żmien u kemm se tkun il-firxa ta’ dan il-kunflitt. Il-gwerer, speċjalment meta jkunu fit-tul, ġeneralment iġibu magħhom żidiet fil-prezzijiet, tnaqqis fl-attività ekonomika, u fuq kollox traġedji ta’ telf tal-ħajja umana.”    

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport