Saturday, November 30, 2024

Aktar minn 100 vettura mwaqqfa waqt spezzjonijiet billejl

Seba’ persuni miżmuma b’rabta ma’ immigrazzjoni rregolari u permessi ta’ residenza skaduti

Aqra wkoll

F’lejl ta’ spezzjonijiet f’Tas-Sliema, seba’ persuni nżammu b’rabta ma’ immigrazzjoni rregolari u permessi ta’ residenza skaduti. Dawn flimkien ma’ persuni oħra li nżammu wara li nstabu li kienu qegħdin isuqu karozzi Y-plate mingħajr il-permessi neċessarji ta’ Transport Malta. Kien hemm anke żewġ vetturi li ġew irmunkati.

Din il-ħidma qiegħda ssir bħala parti minn spezzjonijiet kontinwi, ikkoordinati mill-Pulizija, flimkien ma’ Transport Malta, Jobs Plus u s-Servizzi tad-Detenzjoni, bil-għan li jinżammu toroq aktar siguri.

Fi ftit sigħat twaqqfu 105 vetturi. Il-maġġoranza ta’ dawk imwaqqfa kienu qed iħarsu r-regoli u fejn ma kinux, ittieħdet azzjoni immedjata.

Fl-ispezzjonijiet saru tfittxijiet fil-vetturi, iċċekjar fuq il-Y Plates u l-permessi relatati, kif ukoll verifikazzjonijiet tad-dokumenti ta’ residenza b’rabta mal-immigrazzjoni rregolari.

Uħud min-nuqqasijiet li nstabu kien hemm sewwieqa mingħajr liċenzja, liċenzji mhux imwaħħla, użu ta’ mobile phones waqt is-sewqan, fost kontravenzzjonijiet oħra.

Il-Korp tal-Pulizija fi stqarrija maħruġa tenna li l-awtoritajiet tal-infurzar qed jingħaqdu b’mod kontinwu bil-għan li f’Malta u f’Għawdex ikun hawn toroq siguri. L-appell jibqa’ dejjem biex ikunu mħarsa rregolamenti għax jekk kulħadd jieħu ħsieb xulxin, ikunu evitati konsegwenzi mhux mixtieqa.

Sport