’Il fuq minn 100,000 persuna żaru l-villaġġ tal-Milied fil-Park Nazzjonali tas-Salini, imtella’ mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża. It-tieni edizzjoni ta’ ‘Christmas in the Park’ attirat lejha diversi viżitaturi, Maltin u barranin, li gawdew minn atmosfera tal-Milied filwaqt li setgħu josservaw u jixtru prodotti sostenibbli, magħmula minn materjal riċiklat. It-tfal kellhom l-opportunità li jagħmlu krafts filwaqt li jżuru stands b’informazzjoni marbuta mal-ambjent.
Akkumpanjati minn kantanti u bands lokali, min żar il-villaġġ tal-Milied kellu l-opportunità li jimxi fl-Enchanted Forest, b’diversi effetti tad-dwal, karattri u strutturi b’tema ambjentali. It-tfal iltaqgħu ma’ Santa Klaws u aktar karattri tal-Milied bħal Rudolph u Frosty the Snowman. Il-villaġġ tal-Milied kien miftuħ fuq medda ta’ għaxart ijiem, bis-sehem ta’ diversi entitajiet fi ħdan il-ministeru.
“Kif inhu l-impenn tagħna, irridu li l-familji jgawdu l-ispazji miftuħa u għalhekk qed inkomplu naħdmu biex isiru aktar aċċessibbli. Attivitajiet bħal dawn jattiraw in-nies lejhom filwaqt li jservu bħala esperjenza edukattiva”, qalet il-Ministru Miriam Dalli. Hija fakkret kif il-ministeru jorganizza sensiela ta’ attivitajiet bi dħul bla ħlas magħrufa bħala Wirt in-Natura f’diversi spazji miftuħa matul is-sena.
Dawn l-attivitajiet se jkomplu anke fis-sena li ġejja.
Il-ministeru rringrazzja lil dawk kollha li attendew għal din l-attività.