Il-Gvern ħabbar it-tieni pagament għal dawk il-familji li għandhom studenti li għadhom jistudjaw f’post-sekondarji jew terzjarji. L-iskop huwa li tingħata għajnuna addizzjonali għal ġenituri ta’ tfal li uliedhom jibqgħu jistudjaw full-time (jew kors li minkejja li jkun part-time ikun ikkunsidrat daqs full-time).
Fil-fatt, fi tmiem din il-ġimgħa qed jitħallsu 12,180 familja jew 13,647 student, b’dan l-investiment ilaħħaq €6.8 miljun, li jfisser żieda ta’ 31% fl-investiment fuq dak preċedenti.
Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet, nhar il-Ġimgħa wara nofsinhar mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u l-Ministru għall-Edukazzjoni l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.
Il-Ministru Michael Falzon spjega li minbarra li 10,670 familja li ħa jieħdu €500 kull wieħed, hemm 1,364 familja li ħa jieħdu €1,000 (żewġt itfal eliġibbli), 62 familja ħa jieħdu €1,500 (tlett itfal), erba’ familji ħa jieħdu €2,000 (erbat itfal) u familja waħda ħa tieħu €2,500 (ħamest itfal). F’każ ta’ student li m’għandux ġenituri jew jgħix għal rasu, l-allowance jitħallas lilu minbarra l-istipendju. Intant għad fadal xi każi pendenti li għadhom qed isiru l-verifiki dwarhom – dawn se jitħallsu fl-14 ta’ Ġunju li ġej.
“Dan huwa Gvern li jagħti opportunitajiet xierqa lil kulħadd bil-għan li nnaqsu d-differenzi u l-inugwaljanzi. Din l-iskema se tgħin biex l-istudenti jilħqu l-aspettattivi u l-aspirazzjonijiet tagħhom għall-kwalità ta’ ħajja aħjar,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Il-Ministru Clifton Grima qal li f’mumenti importanti fil-perkors tal-edukazzjoni tagħhom, l-istudenti u l-familji tagħhom qed jingħataw għajnuna u appoġġ biex isaħħaħ il-pedament tal-futur mhux biss tagħhom, imma tal-pajjiż.
“Dejjem emminna u investejna fir-riżors uman – l-aqwa riżors li għandu l-pajjiż. Huwa għalhekk li dan l-investiment naraw li jibda minn kmieni, waqt il-perkors tal-istudent fl-edukazzjoni fuq il-bankijiet tal-istituzzjonijiet edukattivi ta’ pajjiżna. Matul dawn l-aħħar snin, neħħejna piżijiet finanzjarji minn fuq il-familji, bi trasport, eżamijiet u programmi oħrajn b’xejn, daħħalna miżuri u żidna l-istipendji, filwaqt li qed nagħtu opportunitajiet ta’ scholarships u grants. Implimentajna wkoll inċentivi biex nagħtu sostenn lill-istudent, u l-familja tiegħu, fosthom ir-riforma fl-Istipendji Preskritti u ta’ Prijorità Għolja fl-Università ta’ Malta u l-MCAST. Dan il-grant huwa biss ħolqa waħda ta’ appoġġ u sostenn li qed nagħtu,” spjega l-Ministru Grima.