Monday, November 11, 2024

Aktar minn 1,300 priġunier fil-Malasja jistgħu jappellaw mis-sentenza tal-piena tal-mewt

Il-Parlament tal-pajjiż ineħħi l-liġi manditorja għal piena kapitali

Aqra wkoll

Fl-aħħar sigħat il-Parlament tal-Malasja vvota biex neħħa l-liġi mandetorja tal-piena kapitali. B’dan il-mod aktar minn 1,300 priġunier li qed jistennew li jingħataw il-mewt jistgħu jappellaw u jaraw is-sentenza tagħhom mibdula.

Fil-Malasja, kienet manditorja għal ġudikant li jagħti sentenza tal-piena kapitali għal 11-il każ kriminali serju fosthom jekk wieħed jinstab ħati ta’ qtil jew ta’ terroriżmu.

Minkejja dan xorta waħda l-ġudikanti mill-2018 ‘l hawn ma tantx taw sentenzi tal-piena tal-mewt ħlief għal każijiet eċċezzjonali.

Issa permezz ta’ dan it-tibdil, il-ġudikant jista’ jbiddel is-sentenza ta’ piena tal-mewt għal waħda ta’ 40 sena ħabs.

Il-Ministru tal-Ġustizzja waqt li kien qed jindirizza l-Parlament hekk kif kien se jittieħed vot qal li l-piena kapitali ma swiet għal xejn għax il-każijiet xorta baqgħu jsiru. “Il-ħsieb wara l-piena kapitali hu li jkun hemm biża’ għal min ikun se jwettaq atti kriminali kbar… iżda wara snin sħaħ ħareġ ċar li din ma swiet għal xejn,” qal Ramkarpal Singh il-Ministru tal-Ġustizzja.

Bħalissa fil-pajjiż hemm 1,341 persuna jistennew li jingħataw il-mewt. Huma ngħataw 90 jum ċans biex jappellaw mis-sentenza tagħhom u din tista’ tiġi mibdula għal waħda ta’ għomor il-ħabs jew skont kif jiddeċiedi l-ġudikant.

Sport