Friday, December 27, 2024

Aktar minn 136,000 turist ġew Malta f’Jannar 2023

Aqra wkoll

Fl-ewwel xahar ta’ din is-sena żaru Malta madwar 136,167 turist li bejniethom qattgħu f’pajjiżna mhux inqas minn 1,031,718 lejl, ammont li huwa 79% iktar mill-istess xahar tas-sena l-oħra. Minn dan it-total, 7,764 ġew Malta għal skop ta’ negozju filwaqt li 124,151 ġew għal btala.

L-ikbar għadd ta’ viżitaturi kienu dawk fl-eta bejn 25 u 44 sena segwiti minn dawk fl-eta bejn 45 u 64 sena. Fix-xahar ta’ Jannar 2023, Malta kienet popolari l-iktar mat-Taljani, mal-Pollakki u ma’ dawk mir-Renju Unit li ammontaw għal 42.2% tat-total kollu.

Statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika – NSO – uriet li f’Jannar ta’ din is-sena l-għadd ta’ turisti li ġew Malta kien aktar mid-doppju ta’ turisti li żaru Malta f’Jannar tal-2022. Dan jixhed ukoll li t-turiżmu kompla jirpilja b’ritmu mgħaġġel minn wara l-pandemija tal-Covid-19.

L-istess statistika turi li 131,601 waslu Malta bl-ajru waqt li 4,566 ġew bil-baħar. 100,964 ġew għall-ewwel darba u 35,203 huma turisti li żaru Malta drabi oħra.

Ftit aktar minn 4,000 persuna għażlu lil Malta għal skop ta’ edukazzjoni, reliġjon u raġunijiet ta’ saħħa.

Fl-istess xahar ta’ din is-sena, id-dħul mit-turiżmu skorra d-99 miljun ewro li juri żieda ta’ 52.2 miljun ewro fuq l-istess xahar tas-sena 2022.

Ekonomija

Sport