Xejn inqas minn 1,557 priġunier politiku Venezwelan applikaw għal amnestija skont liġi ġdida li kienet introdotta l-Ħamis li għadda.
Dan intqal mill-President tal-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela Jorge Rodríguez, li huwa ħu l-President interim tal-Venezwela Delcy Rodríguez u alleat tal-eks President Nicolás Maduro.
Jorge qal ukoll li “mijiet” ta’ priġunieri diġà ġew rilaxxati. Fosthom hemm il-politiku Juan Pablo Guanipa, wieħed minn diversi vuċijiet tal-oppożizzjoni li kkritikaw il-liġi minħabba li kienet teskludi ċerti priġunieri.
Sadanittant, l-Istati Uniti ħeġġet lill-Venezwela biex tħaffef ir-rilaxx tal-priġunieri politiċi minn meta l-forzi Amerikani ħatfu lil Maduro f’rejd li sar fit-3 ta’ Jannar li għadda. Il-Gvern soċjalista tal-Venezwela dejjem ċaħad li żamm priġunieri politiċi.
Waqt li kien qed jindirizza konferenza stampa s-Sibt li għadda, Jorge Rodríguez qal li total ta’ 1,557 talba għall-ħelsien kienu qed jiġu indirizzati “fl-immedjat” u li fl-aħħar mill-aħħar il-leġiżlazzjoni se testendi għal 11,000 priġunier.
Il-Gvern Venezwelan kien ħabbar, wara l-arrest ta’ Maduro, li “numru sinifikanti” ta’ priġunieri kien se jinħelsu bħala ġest ta’ rieda tajba.
Gruppi tal-oppożizzjoni u tad-drittijiet tal-bniedem saħqu li l-gvern taħt Maduro uża d-detenzjonijiet ta’ priġunieri politiċi biex irażżan id-dissens u jsikket lill-kritiċi għal snin sħaħ.

