Thursday, April 9, 2026

Aktar minn 180 żagħżugħ jagħmlu volontarjat barra minn Malta permezz tal-iskema Youth Volunteer Overseas

Aqra wkoll

Żagħżagħ jibbenefikaw sa €2,500 meta jsiefru għal volontarjat

Estiża l-età ta’ eliġibbiltà minn 30 għal 35 sena

Fis-sena internazzjonali ddedikata lill-volontarjat, tħabbar kif matul l-aħħar 9 snin, 182 żagħżugħ u żagħżugħa minn 43 għaqda volontarja Maltija u Għawdxija għamlu esperjenza ta’ volontarjat barra minn xtutna. Dan b’investiment totali ta’ €227,000 permezz tal-iskema Youth Volunteer Overseas maħruġa mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS). Permezz ta’ din l-iskema, voluntiera Maltin għamlu esperjenzi f’għadd ta’ pajjiżi bħall-Kenja, il-Ghana, il-Filippini, il-Kambodja, il-Paragwaj u l-Perù fejn kienu ta’ għajnuna fil-bini ta’ skejjel u tagħlim, titjib fil-faċilitajiet sanitarji, tqassim ta’ ikel u kif ukoll kampanji ta’ għarfien pereżempju dwar l-iġjene u s-saħħa.

Spjegaw dan il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia u l-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Paca Parascandalo.

Din l-inizjattiva tagħti opportunità lil żgħażagħ Maltin bejn 18 u 35 sena sabiex ikunu voluntiera attivi fi proġetti ta’ volontarjat f’esperjenzi ta’ bejn ġimagħtejn u 3 xhur. L-iskema tiffaċilita dan billi tkopri sa €2,500 fi spejjeż relatati mal-mobilità, titjiriet u assigurazzjoni għal żgħażagħ voluntiera li jipparteċipaw f’dan il-programm. L-applikazzjonijiet, li huma miftuħa matul is-sena kollha għal kull min jixtieq jagħmel dawn l-esperjenzi, jinsabu fuq il-portal tal-MCVS volunteers.mt. Kull applikazzjoni trid issir permezz ta’ għaqda rreġistrata u konformi mal-Uffiċċju tal-Kumissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji. Minn din is-sena l-għaqda tista’ żżid ukoll leader ta’ aktar minn 35 sena sabiex jikkoordina u jmexxi l-proġett.

Dan ġie diskuss waqt żjara għand l-għaqda Karibu Malta, għaqda stabbilita fl-2013 bil-għan ewlieni li tassisti u tiffinanzja xogħol missjunarju f’pajjiżi fejn hemm bżonn appoġġ edukattiv bażiku. Sal-lum, Karibu Malta bniet żewġ skejjel fil-Kenja. Karibu Malta tagħti wkoll l-opportunità lill-membri tagħha li jivvjaġġaw lejn il-pajjiż fejn tkun qed tiffinanzja proġett matul dik is-sena speċifika, u dan sar permezz ta’ appoġġ minn skemi bħall-Youth Volunteer Overseas.

Il-Ministru Julia Farrugia spjegat kif “Dan il-Gvern jibqa’ impenjat li jsaħħaħ il-volontarjat bħala għodda konkreta ta’ bidla soċjali għaż-żgħażagħ tagħna. L-investiment li qed nagħmlu permezz tal-iskema Youth Volunteer Overseas huwa xhieda ċara tal-prijoritajiet tagħna; li noħolqu opportunitajiet reali, nibnu ċittadini attivi u npoġġu lil Malta fuq quddiem nett fil-promozzjoni tal-valuri Ewropej ta’ solidarjetà u inklużjoni. Apparti minn hekk, minn din is-sena tal-volontarjat, dan il-fond ġie estiż minn 30 għal 35 sena, b’hekk jistgħu jgawdu aktar żgħażagħ li jixtiequ jagħmlu din l-esperjenza.”

Il-Kap Eżekuttiv Mauro Pace Parascandalo, qal li din l-iskema toffri opportunità li għal ħafna żgħażagħ tkun unika f’ħajjithom. Permezz tal-Youth Volunteer Overseas, mhux biss jagħmlu volontarjat imma jagħmlu esperjenzi ġodda u jaraw perspettivi ta’ dinjiet totalment differenti minn dawk li ngħixu f’pajjiżna, li fl-aħħar mill-aħħar tgħinhom isiru ċittadini aktar maturi.

Ritratti: MIV

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport