Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri laqa’ b’sodisfazzjon l-istatistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li turi andament turistiku pożittiv u sostenibbli f’Għawdex matul is-sena 2025. F’Għawdex, l-ammont ta’ turisti barranin li qattgħu lejl jew aktar fil-gżira laħaq 192,021, żieda ta’ 7% fuq is-sena 2024.
Il-Ministru Camilleri stqarr li, “Huwa inkoraġġanti ħafna li naraw żieda konsistenti fl-ammont ta’ turisti barranin li ġew Għawdex, b’distribuzzjoni bilanċjata matul l-istaġuni kollha tas-sena. Dawn ir-riżultati jikkonfermaw li l-istrateġija tal-Gvern li jippromwovi lil Għawdex bħala destinazzjoni għat-turiżmu matul is-sena kollha qed tagħti l-frott tagħha”.
Fil-fatt, wara li fl-2024 Għawdex esperjenza żiedet marġinali fis-sajf, bix-xhur l-oħra jżidu b’rati għoljin. Dan l-andament reġa’ ġie replikat fis-sena 2025. Id-distribuzzjoni tat-turisti barranin matul l-istaġuni kien wieħed bilanċjat ferm hekk kif is-sajf ospita 37%, ir-rebbiegħa ospitat 27%, il-ħarifa ospitat 26% u x-xitwa ospitat 10% mit-total ta’ turisti li żaru is-sena l-oħra. Filwaqt li n-numri fis-sajf jibqgħu l-ogħla, kien ix-xahar t’Ottubru li rreġistra l-akbar ammont ta’ viżitaturi barranin, filwaqt li Diċembru rreġistra l-akbar rata ta’ żieda. Kull staġun matul is-sena 2025 kellu żiedet fuq is-sena ta’ qabel, bil-ħarifa tara żieda ta’ 22%, ix-xitwa żieda ta’ 11%, ir-rebbiegħa 2%, u s-sajf 1%.
Fl-istess waqt, fejn għandha x’taqsam akkomodazzjoni kollettiva, l-andament skont l-aħħar statistika uffiċjali li tinkludi turiżmu li ġej mis-suq barrani u domestiku juri żieda ta’ 22% fuq is-sena ta’ qabel, b’kull xahar jirreġistra żidiet relattivi.
Il-Ministru Camilleri fakkar li l-konnettività bejn Malta u Għawdex kompliet titjieb u dan jirrifletti wkoll fiż-żidiet li qed naraw. Matul is-sena 2025, kien hemm ’il fuq minn 46,000 traġitt bejn il-gżejjer, jew 1,700 aktar mis-sena ta’ qabel. Dan ifisser medja ta’ 126 traġitt kuljum. Barra minn hekk, attribwixxa wkoll il-fatt li l-Ministeru qed ikompli jinvesti bis-sħiħ fl-attività kulturali tal-gżira. Fil-fatt, matul is-sena l-oħra, il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ta s-sostenn lil 326 attività kulturali, fattur li qed jagħti valur miżjud lil kull min jagħżel lil Għawdex bħala d-destinazzjoni tiegħu.
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri temm jgħid li minkejja dan, nifhmu li din l-attività li għaddejja ġġib l-isfidi wkoll, u dan il-Gvern jibqa’ kommess li jimmira għal aktar konnettività b’saħħitha. Kien għalhekk li matul il-ġimgħat li għaddew tħabbru żewġ vapuri ġodda li ser ikunu qed joperaw fl-2029 b’investiment ta’ madwar €130 miljun. Ma’ dan ukoll tħabbar task force li se janalizza u jagħmel skrutinju tal-kapaċitajiet infrastrutturali tal-Port tal-Mġarr.

