Skont l-aħħar ċifri tal-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika l-industrija tat-turiżmu f’Malta jidher li reġgħet bdiet tirpilja sew tant li f’April li għadda aktar minn 194,500 turist żaru pajjiżna.
L-NSO qal li aktar minn 175,000 turist żaru pajjiżna għal btala u aktar minn 10,700 turist ieħor ġew f’Malta għal skop ta’ negozju. Fil-maġġoranza tagħhom, jiġifieri kważi 39 fil-mija, it-turisti kellhom bejn il-25 u l-44 sena.
Imqabbel mal-istess xahar is-sena li għaddiet meta pajjiżna kien għadu bir-restrizzjonijiet tal-pandemija, it-turisti żdiedu b’aktar minn 184,000 turist meta kienu żaruna 10,184 turist.
Irriżulta wkoll li aktar minn 145,000 minnhom żaru lil Malta għall-ewwel darba filwaqt li l-bqija kienu żaru pajjiżna qabel.
L-ikbar ammont ta’ turisti li żaru pajjiżna rriżulta li kienu Ingliżi u Taljani b’aktar minn 73,000 turist minn dawn iż-żewġ pajjiżi. Isegwu t-turisti minn Franza b’akar minn 24,000 turist u mill-Ġermanja b’aktar minn 16-il elf turist.
Dwar in-nefqa tagħhom f’Malta, l-NSO qal f’April it-turisti ħallew f’Malta aktar minn €138 miljun. In-nefqa tagħhom kull lejl kienet tisboq ftit aktar minn €113.
L-NSO temm jgħid li fl-ewwel erba’ xhur tas-sena, ras għal ras in-nefqa tat-turisti f’Malta kienet ta’ €710, jiġifieri €194 inqas mill-istess perjodu s-sena li għaddiet.