Wednesday, March 4, 2026

Aktar minn 200 sottomissjoni b’rabta mar-riforma tal-midja soċjali

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg ħabbret fil-Parlament li tressqu aktar minn 200 sottomissjoni waqt il-konsultazzjoni pubblika li saret b’rabta mar-riforma tal-midja soċjali. Il-konsultazzjoni pubblika dwar din ir-riforma kienet għalqet fis-27 ta’ Frar li għadda.

Meta kienet qed twieġeb mistoqsija li saritilha mill-Whip tal-Gvern Naomi Cachia, fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari, is-Segretarju Parlamentari Buttigieg spjegat li f’dan il-proċess saru wkoll numru ta’ laqgħat li għalihom kienu preżenti hi, il-Ministru Michael Falzon u l-Kumitat Tekniku li nħatar għal dan il-għan. 

“Iltqajna ma stakeholders differenti. Għal din il-konsultazzjoni kellna parteċipazzjoni wiesgħa minn persuni ġejjin minn oqsma differenti fis-soċjetà. Rajna diversi perspettivi. Kien hemm min qal li jaqbel mal-passi li ħadu pajjiżi oħra li diġà rregolaw dan is-settur. Kien hemm oħrajn li qalu li ma jaqblux. Kien hemm min issuġġerixxa li nagħmlu digital curfew flok projbizzjoni totali,” kompliet tispjega s-Segretarju Parlamentari.

Hija tenniet li l-iskop tal-Gvern kien proprju li jniedi proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa sabiex meta bħala pajjiż jiġu biex jieħdu deċiżjoni, dik l-istess deċiżjoni tkun waħda infurmata. 

Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg temmet tgħid li l-pass li jmiss huwa li l-Kumitat Tekniku jagħrbel is-sottomissjonijiet li ġew ippreżentati biex imbagħad iħejji rapport mimli rakkomandazzjonijiet kemm fuq bażi short term kif ukoll fuq bażi long term. Dan ir-rapport imbagħad jittella’ għall-attenzjoni tal-Kabinett u sussegwentement tittieħed deċiżjoni dwar x’għandha tkun it-triq ’il quddiem.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport