Kull xahar qed isiru numru ta’ laqgħat bejn ir-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u wliedhom f’ambjent lil hinn mill-atmosfera ta’ ħabs. Dan qed isir f’binja fil-Marsa li hija waħda adattata biex tilqa’ tfal f’ambjent ferm aktar rilassat iżda fejn xorta waħda huwa assigurat l-aqwa u l-ogħla livell ta’ sigurtà. Din is-sena, diġà kien hemm 208 żjara minn persuni taħt is-17-il sena f’din il-binja.
Din l-inizjattiva kienet possibbli grazzi għall-ħidma tal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u l-Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl. Dan il-post intgħażel lil hinn mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin għaliex wieħed jifhem li l-esperjenza ta’ ħabs mhuwiex il-post ideali għat-tfal.
Dawn id-dettalji ngħataw mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott.
Il-Ministru Camilleri beda biex spjega li kien biss dan il-Gvern li parti mill-proċess ta’ rijabilitazzjoni ġenwina, u differenti ħafna minn kif kien jaġixxi ta’ qablu, għamilha possibbli li priġunieri li qed jiskontaw sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ikunu jistgħu jibdew jiltaqgħu u jqattgħu ftit ħin ma’ wliedhom f’binja apposta fil-Marsa, ’il bogħod mill-ħitan tal-istess faċilità taħt il-ħarsien ta’ professjonisti soċjali.
Il-Ministru Camilleri żied jgħid li dan ma jfissirx li setgħu jinqatgħu għalkollox iż-żjarat fil-Faċilità, anke jekk kontinwament isir tentattiv biex dan il-post isir l-iktar użu possibbli minnu. Qal li l-amministrazzjoni tal-Faċilità qed tkompli taħdem u tagħmel ir-riformi biex tilqa’ għall-ħtiġijiet ta’ dawn il-familji, partikolarment tfal, ikunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi.
“Għal dan il-għan bħalissa għaddejjin bi pjanijiet biex flimkien mad-diversi investimenti li saru u qed isiru, iż-żona tal-viżitaturi titranġa u titjieb bil-għan li tkun toffri post aktar akkoljenti u xieraq għal kulħadd,” temm jgħid il-Ministru Camilleri.