Tuesday, September 30, 2025

Aktar minn 2,000 familja se jgawdu mill-Ftehim Kollettiv iffirmat bejn il-GWU u Support Services Ltd.

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union (GWU) – Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa ffirmat bil-quddiem il-Ftehim Kollettiv għall-ħaddiema ta’ Support Services Ltd., ħaddiema li joffru servizz ta’ saħħa u kura f’pajjiżna. 

Dan il-Ftehim Kollettiv li jkopri diversi pożizzjonijiet qed joffri aktar kundizzjonijiet tajbin relatati ma’ leave, sick leave, rikonoxximent tas-snin ta’ servizz, dixxiplina, u aktar. 

Dan hu Ftehim Kollettiv li jkopri s-snin 2026-2030, sforz il-proattivita tat-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa, li tagħmel l-almu tagħha biex tibda tinnegozja qabel ma jagħlaq il-Ftehim, għall-benefiċċju tal-ħaddiema. 

“Support Services Ltd., hija kumpanija li tassew ħadmet magħna b’mod professjonali biex niksbu dawn ir-riżultati li qed niffirmaw għalihom. Dan hu Ftehim li jkompli jsaħħaħ id-drittijiet tal-ħaddiema, l-operat tal-ħaddiema fil-kumpanija, bil-ħsieb ewlieni li nissalvagwardjaw id-drittijiet tagħhom a bażi tar-responsabbiltajiet li għandhom. Huwa Ftehim Kollettiv li minnu se jgawdu ‘l fuq minn 2,000 familja. 

“Minn hawnhekk nirringrazzjaw lir-rappreżentanti tagħna li jifformaw dan il-Kumitat b’saħħtu fejn għandna numru sostanzjali ta’ nisa bħala rappreżentanti. Kif ukoll lill-membri kollha tagħna li pparteċipaw. Inkomplu nħarsu ‘l quddiem sabiex inkomplu nsaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema tagħna u nistennew li dawn il-ħaddiema, li joffru servizz f’diversi entitajiet governattivi jgawdu wkoll miż-żieda tal-Gvern, riflessa mil-liġi l-ġdida,” qal is-Segretarju Kendrick Bondin.

Għall-GWU iffirmaw is-Segretarju tat-Taqsima Kendrick Bondin, l-Assistent Segretarju Lawrence Bugeja, u x-shop stewards Josephine Borg u Nanette Caruana filwaqt li għal Support Services Ltd. iffirmaw il-Kap Eżekuttiv Charlotte Sant Portanier, il-General Manager Charlo Farrugia, l-Operations Manager Matthew Muscat u l-Human Resources Manager Raisa Rizzo.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport