Aktar minn 2,000 uffiċjal pubbliku u fornituri tas-servizzi qed jaħdmu flimkien fl-organizzazzjoni tal-Kunsill Ministerjali tal-OSCE, li ser isir il-ġimgħa d-dieħla – l-akbar konferenza ministerjali li qatt saret f’Malta.
Nhar il-Ħamis waranofsinhar, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu u Chairperson tal-OSCE Ian Borg żar it-tħejjijiet finali ta’ din il-laqgħa storika, f’Ta’ Qali. Il-ġimgħa d-dieħla, nhar il-Ħamis 5 u l-Ġimgħa 6 ta’ Diċembru, il-Ministri għall-Affarijiet Barranin ta’ 57 stat parteċipanti tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) se jkunu f’Malta għall-31 laqgħa tal-Kunsill Ministerjali ta’ din l-organizzazzjoni, sabiex jiddiskutu sfidi importanti dwar is-sigurtà reġjonali, kif ukoll deċiżjonijiet organizzattivi li jeħtieġ jittieħdu. Il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna se tkun fuq nett fl-aġenda tal-laqgħa, biż-żewġ nazzjonijiet fost l-istati parteċipanti madwar il-mejda.
F’Ta’ Qali, il-Ministru Borg iltaqa’ mat-tim tal-Ministeru inkarigat mill-organizzazzjoni ta’ din il-konferenza, f’kollaborazzjoni mar-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-OSCE fi Vjenna, kif ukoll ma’ entitajiet governattivi oħra li qed jappoġġjaw dan l-avveniment. Tkellem ukoll mal-ħaddiema li għaddejjin bl-aħħar xogħlijiet fil-post tal-konferenza, li se tilqa’ aktar minn 800 delegat u ġurnalisti lokali u internazzjonali. Il-kumpless ta’ 12,000 metru kwadru jinkludi sala plenarja għad-diskussjonijiet tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin, swali għall-konferenzi tal-aħbarijiet u attivitajiet oħra relatati mal-konferenza, kmamar għal-laqgħat bilaterali, faċilitajiet ta’ interpretazzjoni, ċentru tal-midja għal aktar minn 200 ġurnalist, żoni tal-ikel u faċilitajiet oħra.
Sa mill-bidu tas-sena, it-tim organizzattiv tal-Ministeru kkoordina wkoll ħtiġijiet loġistiċi oħra importanti, flimkien mal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, il-Forzi Armati ta’ Malta, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Transport Malta, LESA, Infrastructure Malta, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, Ambjent Malta, is-Servizzi tas-Saħħa, id-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni, MITA, id-Dipartiment tal-Informazzjoni, Public Broadcasting Services, u ħafna oħrajn.
Id-Deputat Prim Ministru u Chairperson tal-OSCE Ian Borg irringrazzja lit-timijiet kollha involuti għall-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom fit-tħejjijiet ta’ din il-konferenza. “Sena ilu, waqt it-30 Kunsill Ministerjali fi Skopje, l-istati parteċipanti kollha qablu li Malta kienet l-uniku pajjiż li jista’ jmexxi din l-organizzazzjoni fl-2024, għax aħna stmati bħala aġent kredibbli tal-paċi u d-djalogu,” spjega, “u l-konferenza tal-ġimgħa d-dieħla se tkompli ssaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta fix-xena internazzjonali.”
“Il-Konferenza Ministerjali hija l-qofol ta’ sena ta’ impenn bla heda biex insaħħu r-reżiljenza ta’ din l-organizzazzjoni, u nkomplu nippromwovu l-għaqda fost in-nazzjonijiet biex nindirizzaw l-isfidi fir-reġjun tal-OSCE, mill-gwerer għall-kriżi tal-klima, mill-libertà tal-istampa u ċ-ċibersigurtà għall-ugwaljanza tal-ġeneru u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem. L-ebda pajjiż ma jista’ jegħleb dawn l-isfidi waħdu – iżda flimkien, permezz ta’ azzjonijiet deċiżivi, nistgħu nibnu futur aħjar għal aktar minn biljun persuna li jgħixu fir-reġjun tal-OSCE,” ikkonkluda l-Ministru.
Malta bdiet 12-il xahar ta’ Presidenza tal-OSCE f’Jannar, bit-tema Insaħħu r-Reżiljenza, Intejbu s-Sigurtà, wara li ġiet eletta unanimament biex tmexxi din l-Organizzazzjoni għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, f’Novembru tal-2023.