Saturday, December 14, 2024

Aktar minn 2,500 first-time buyer applikaw għall-iskema ta’ €10,000 f’għaxar snin

Fl-aħħar erba' xhur l-Awtorità tad-Djar irċeviet aktar minn 750 applikazzjoni oħra għal skemi relatati max-xiri u l-kiri ta' propjetà

Aqra wkoll

Aktar minn 2,500 first-time buyer li s-sena l-oħra għamlu l-pass biex jixtru l-propjetà tagħhom, irrikorrew għal din l-għotja ta’ €10,000 fuq perjodu t’għaxar snin (1,000 fis-sena), liema pagamenti se jibdew jingħataw minn Ġunju li ġej. Dawk kollha li xtraw l-ewwel propjetà u għadhom m’applikawx għal din l-iskema, għandhom ċans sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.

Dan intqal mill-Ministru għall-Akkommodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-first-time buyers u  skemi oħra offruti mill-Awtorità tad-Djar. Huwa kompla billi rringrazzja l-ħaddiema kollha tal-Awtorità tad-Djar u tal-Ministeru li f’dawn l-aħħar erba’ xhur mhux biss ipproċessaw dawn l-2,500 applikazzjoni flimkien ma’ għadd ta’ applikazzjonijiet, mistoqsijiet u talbiet oħra li saru mill-pubbliku, iżda wkoll talli l-Awtorità laqgħet iktar minn 750 applikazzjoni ġdida għal skemi li jgħinu lill-persuni li saru sidien ta’ darhom jew biex ilaħħqu mal-ispejjeż tal-kera; skemi ta’ benefiċċju tal-kera u l-iskema tal-equity sharing, fost oħrajn.

Matul il-konferenza huwa saħaq dwar id-dritt li kulħadd għandu jkollu saqaf dinjituż u diċenti, kif ukoll tratta l-importanza tal-affordabbiltà fix-xiri u l-kiri ta’ propjetajiet privati. F’dan ir-rigward huwa qal li dan il-Gvern irrikonoxxa l-isfidi li qed jaffaċċjaw iż-żgħażagħ Maltin u li pajjiżna huwa mmexxi minn: “Gvern li jaġixxi … Gvern li jwieġeb għall-karba tal-aktar batut” filwaqt li ma jinsiex lill-oħrajn li għalkemm jinsabu daqsxejn aħjar jonqoshom l-aħħar imbuttatura. Bħalissa, “Pajjiżna għandu 80% ta’ niesu sidien ta’ daru,” qal il-Ministru Galdes.

Huwa għalaq id-diskors tiegħu billi wiegħed li l-ħidma se tibqa’ għaddejja biex ikomplu jiġu megħjuna iżjed nies.

Ekonomija

Sport