Monday, November 4, 2024

Aktar minn 2,500 tunnellata ta’ skart miġbura fl-2021 u fl-2022

Project Green u Saving Our Blue jniedu l-kampanja Islands Cleanup għas-sajf 2023

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli flimkien ma’ Project Green u Saving Our Blue, nedew Islands Cleanup, it-tielet edizzjoni tal-kampanja nazzjonali ta’ tindif, li tistieden lin-negozji, NGOs u organizzazzjonijiet oħra biex jingħaqdu u jipparteċipaw fi cleanups f’żoni kostali u fil-widien.

Il-kampanja Islands Cleanup tnediet l-Erbgħa filgħodu, waqt l-ewwel cleanup din is-sena ta’ din l-inizzjattiva, fil-Bajja tal-Ġnejna, bis-sehem tal-impjegati mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u Trust Payments, waħda mill-ewwel kumpaniji lokali li qed jipparteċipaw f’din l-inizjattiva.n Din l-attività kienet waħda minn sensiela ta’ cleanups li jsiru flimkien ma’ ħafna organizzazzjonijiet oħrajn matul ix-xhur tas-sajf.

Ta’ kull sena, il-Ministeru għall-Ambjent jorganizza din il-kampanja ta’ tindif sabiex iqajjem kuxjenza dwar il-ħarsien tal-widien, żoni kostali u l-ibħra, flimkien ma’ siti oħra ta’ importanza naturali. Dan filwaqt li din l-inizjattiva tħeġġeġ lill-entitajiet governattivi, għaqdiet volontarji, u lis-settur privat biex jikkontribwixxu għal ambjent nadif. Bl-appoġġ ta’ Saving Our Blue u Project Green, kumpaniji, skejjel, NGOs jew gruppi oħra jistgħu jagħżlu biex inaddfu bajja jew wied. Il-parteċipanti jingħataw it-tagħmir meħtieġ, bħal ingwanti, basktijiet, vetturi tal-iskart u struzzjonijiet ta’ sigurtà, sabiex jiġi żgurat proċess ta’ tindif sigur u effiċjenti.

L-iskart kollu miġbur waqt dawn l-attivitajiet se jiġi separat fuq il-post, skont ir-regolamenti applikabbli dwar is-separazzjoni tal-iskart, biex jiġi żgurat li l-materjali riċiklabbli li jinġabru jkunu jistgħu jiġu pproċessati għar-riċiklaġġ.

Il-parteċipanti se jkunu mgħejuna biex jiżnu l-iskart li jiġbru, għal skopijiet ta’ statistika u riċerka ambjentali. Bħala rikonoxximent ta’ din il-ħidma volontarja, Project Green se tħawwel siġar fi spazji miftuħa għal kull tunnellata ta’ skart miġbur matul din il-kampanja. Filwaqt li diġà tħawlu 1,400 siġra biex jimmarkaw l-isforzi tal-kampanja ta’ tindif tal-2021, Project Green qegħda fil-proċess li tħawwel 3,600 siġra oħra skont ir-riżultati tal-edizzjoni tas-sena li għaddiet.

L-organizzazzjonijiet li se jipparteċipaw f’din il-kampanja se jirċievu wkoll ċertifikat ta’ parteċipazzjoni, għall-kontribut tagħhom għal ambjent aħjar fiż-żoni fejn ikun sar it-tindif.

Waqt it-tnedija tal-kampanja, il-Ministru Miriam Dalli enfasizzat l-importanza biex l-iskart iġġenerat jitnaqqas, jiġi riċiklat, jerġa’ jintuża u fl-aħħar mill-aħħar jintrema b’mod responsabbli.

Sport