Thursday, January 23, 2025

Aktar minn 260 ħaddiema ser ikunu qed jibbenefikaw minn titjib fil-kundizzjonijiet tal-impjieg tagħhom

Aqra wkoll

Aktar minn 260 ħaddiema klerikali fi ħdan il-Kunsilli Lokali u Reġjonali f’Malta u Għawdex ser ikunu qed jibbenefikaw minn titjib fil-kundizzjonijiet tal-impjieg tagħhom permezz ta’ ftehim kollettiv ġdid li ġie maqbul bejn l-Assoċjazzjoni għall-Kunsilli Lokali u l-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) u ffirmat illum.

Preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kollettiv kien hemm il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Kevin Mahoney, flimkien mas-Segretarju Permanenti mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru Joyce Cassar.

Il-ftehim intlaħaq bis-sehem tad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali u tat-Taqsima għar-Relazzjonijiet Industrijali u jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-impjieg, il-pakkett finanzjarju tal-impjegati u jipprovdi opportunitajiet għal aktar taħriġ u progressjoni fil-karriera. Il-ftehim, minbarra li jagħraf ir-rwol importanti tal-ħaddiema klerikali li jagħtu servizz lir-residenti fil-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex, joffri wkoll opportunità ta’ karrieri għal dawk li jixtiequ jaħdmu fil-qasam tal-Gvern Lokali.

Il-Ministru Owen Bonnici feraħ lill-partijiet għall-ftehim milħuq u spjega kif minbarra ż-żidiet fil-pagi tal-ħaddiema, fost oħrajn, permezz ta’ dan il-ftehim il-ħaddiema se jkunu intitolati għall-għaxart ijiem leave kulturali fis-sena, meta jkunu magħżula sabiex jirrappreżentaw lil Malta f’attivitajiet kulturali kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn Malta. Apparti dan, impjegati li jkunu se jirrappreżentaw lil Malta f’attivitajiet sportivi jingħataw leave speċjali skont l-iskemi maħruġa minn SportMalta. Ħaddiema ġodda ser jibbenefikaw minn kuntratt indefinit mill-ewwel, deputising allowance aħjar, u titjib fir-rata tal-performance bonus.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv ġdid, apparti li se jkun qiegħed itejjeb il-pakkett finanzjarju ta’ dawn il-ħaddiema, se jkun qiegħed ukoll joffri aktar opportunitajiet sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu javvanzaw fil-karriera tagħhom, filwaqt li se joffri pakkett ta’ taħriġ għal min jixtieq ikompli javvanza.

Is-Segretarju Parlamentari rringrazzjat lill-ħaddiema kollha tal-Kunsilli Lokali u Reġjonali tax-xogħol siewi tagħhom u talli jkunu minn tal-ewwel li jagħtu servizz lill-komunità. Hija rringrazzjat ukoll lill-Assoċjazzjoni għall-Kunsilli Lokali, lill-UĦM , lid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali kif ukoll lit-Taqsima għar-Relazzjonijiet Industrijali, li ħadmu sabiex illum ġie ffirmat dan il-ftehim kollettiv.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport