Saturday, December 21, 2024

Aktar minn 320,000 passiġġier waslu Malta bil-cruiseliners bejn Lulju u Settembru

Aqra wkoll

Bejn Lulju u Settembru ta’ din is-sena, l-għadd sħiħ taʼ passiġġieri li waslu Malta bil-cruiseliners kien taʼ 321,814, li jfisser tnaqqis taʼ 7.6 fil-mija fuq l-istess perjodu tas-sena taʼ qabel.

Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li fit-tielet kwart tal-2024, żaru Malta 124 cruiseliner, żieda ta’ 16 meta mqabblin mal-istess perjodu taʼ sena qabel. Il-passiġġieri li għaddew minn Malta sabiex komplew il-vjaġġ tagħhom lejn xi mkien ieħor kienu jagħmlu l-maġġoranza assoluta tat-traffiku kollu, u laħqu l-271,268 (84.3 fil-mija). Bħala medja, kull bastiment li kien irmiġġat f’Malta ġarr 2,595 passiġġier, 629 inqas mis-sena ta’ qabel.

Il-passiġġieri mill-Istati Membri tal-UE kienu jlaħħqu l-44.7 fil-mija tat-traffiku totali. Is-swieq ewlenin kienu dak Taljan li laħaq 17.4 fil-mija tal-passiġġieri kollha, segwit minn dak Ġermaniż bi 8.5 fil-mija tal-passiġġieri. L-għadd sħiħ ta’ passiġġieri minn pajjiżi mhux tal-UE laħaq il-178,124, li minnhom 36.8 fil-mija kienu ġejjin mir-Renju Unit u 36.2 fil-mija kienu ġejjin mill-Istati Uniti.

Il-passiġġieri nisa laħqu 53.4 fil-mija tat-total. L-akbar ammont taʼ passiġġieri kienu fl-età taʼ bejn l-40 u d-59  sena (32.7 fil-mija). Warajhom, kien hemm dawk li kienu fl-età taʼ bejn is-60 u d-79 sena (30.8 fil-mija).

Jannar-Settembru 2024

Iċ-ċifri tal-NSO juru wkoll li fl-ewwel tliet kwarti tas-sena 2024, l-għadd sħiħ taʼ passiġġieri laħaq is-672,276, li 42.9 fil-mija minnhom kienu ġejjin minn pajjiżi tal-UE.

Il-biċċa l-kbira tal-passiġġieri kienu nisa u ammontaw għal 360,571, jew 53.6 fil-mija tat-total. Fost il-gruppi tal-età, l-akbar grupp taʼ passiġġieri kellhom bejn is-60 u d-79 sena, u laħqu l-235,340 (35.0 fil-mija). Warajhom, kien hemm il-passiġġieri li kellhom bejn l-40 u d-59 sena, li laħqu 208,308 (31.0 fil-mija).
F’dan il-perjodu waslu Malta 271 cruiseliner, b’medja ta’ 2,481 passiġġier fʼkull waħda, u dan meta mqabbel mal-227 żjara u medja taʼ 2,844 passiġġier fʼkull waħda fil-perjodu komparattiv tal-2023.

Ekonomija

Sport