Saturday, December 21, 2024

Aktar minn 3,300 student u studenta se jgawdu minn internet b’xejn għal sena

Aqra wkoll

B’investiment ta’ €1,000,000, aktar minn 3,300 student u studenta se jgawdu minn internet b’xejn għal sena. Din il-miżura se jgawdu minnha l-istudenti li huma eliġibbli għal stipendju, tal-iskejjel tal-gvern, dawk indipendenti u tal-Knisja, Junior College u MCAST, li jkomplu immedjatament wara Year 11 (Form 5) u li qegħdin fl-ewwel sena fl-istudji postsekondarji tagħhom.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima u mill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri.

L-għajnuna se tingħata f’forma ta’ vawċers li se jibdew jitqassmu b’mod elettroniku mil-lum stess u li jistgħu jibdew jissarrfu minn nhar it-Tnejn 7 ta’ Frar u huma validi sal-15 ta’ Lulju 2022. Il-ministri saħqu li meta wieħed jikkunsidra wkoll l-inizjattiva tas-sena li għaddiet, ifisser li f’din il-leġiżlatura l-gvern investa maż-€2 miljun u laħaq aktar minn 6,400 student li jfisser li laħaq 6,400 familja.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima qal li din hija t-tieni sena li qed tkun implimentata din il-miżura, biex b’hekk il-ministeru qed ikompli jagħti appoġġ lill-istudenti u lill-familji tagħhom. “Din il-miżura hija konferma oħra tal-impenn li għandu dan il-gvern biex jinkoraġġixxi lill-istudenti jkomplu għaddejjin bl-istudji tagħhom wara l-edukazzjoni obbligatorja”.

Il-Ministru Grima rrefera għall-baġit ta’ din is-sena u qal li bħall-baġits ta’ qablu, dan kien ukoll wieħed li daħħal inċentivi biex ikun ta’ spalla għall-istudenti, biex jagħtihom appoġġ fl-aktar mument delikat ta’ ħajjithom meta jkunu qed jaħsbu għall-futur tagħhom, fosthom iż-żieda f’daqqa ta’ 10% fl-istipendji.

“Bl-inizjattiva li qed inħabbru llum se nkunu qed ngħinu aktar minn 3,000 familja billi nnaqqsulhom spejjeż relatati mas-servizzi tal-internet għal sena sħiħa u allura bil-fatti se jibqgħalhom iktar flus fil-but. Iktar minn hekk, l-inizjattiva għat-tieni darba turi l-impenn sħiħ tal-gvern li nilħqu lil kulħadd,” saħaq il-Ministru Schembri.

Il-Ministru Schembri żied jgħid li huwa kruċjali li Malta tibqa’ għaddejja bl-isforzi tagħha biex taċċellera t-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija u biex dan verament iseħħ, qed jiġu indirizzati u jintlaħqu minnufih ġenerazzjonijiet futura. L-inizjattiva tal-lum hija pass importanti biex ikunu indirizzati dawn l-isfidi billi l-gvern jara li ħadd ma jaqta’ lura filwaqt li jsaħħaħ is-sisien ta’ ekonomija diġitali f’pajjiżna.

L-istudenti se jirċievu l-voucher ta’ €300 għal internet b’xejn permezz ta’ email. Dan għandhom jieħduh biex jissarraf għand wieħed mill-ħwienet ewlenin tal-internet service providers. B’dan il-voucher, ikunu jistgħu jixtru l-internet mingħand is-service providers li jissarrfu għandhom, u immedjatament il-flus ta’ dan il-voucher jingħadda għand is-service provider b’mod immedjat permezz tas-sistema li tfasslet mill-MIMCOL. Kull student jista’ jagħżel kwalunkwe skema tal-internet offruta għal dan il-valur tal-voucher. Il-voucher tal-internet b’xejn jista’ jintuża biex jiġi ttoppjat kont attiv tal-internet li l-istudent diġà għandu.

Għal iżjed informazzjoni dwar din l-inizjattiva, wieħed jista’ jżur is-sit freeinternetvoucher.edu.mt jew education.vouchersmimcol.com, jew iċempel fuq 153.

Ekonomija

Sport