Saturday, December 21, 2024

Aktar minn 348,000 passiġġier waslu Malta bil-cruise liners fit-tielet kwart tas-sena

Aqra wkoll

Fit-tielet kwart ta’ din is-sena, it-total ta’ passiġġieri li waslu Malta bil-cruise liners kienu jammontaw għal 348,268, li jfisser żieda ta’ 55.8% fuq l-istess kwart tas-sena ta’ qabel.

Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li bejn Lulju u Settembru daħlu f’Malta 108 cruise liner, żieda ta’ 11-il cruise liner meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet. 

Il-passiġġieri li għaddew minn Malta sabiex komplew il-vjaġġ tagħhom lejn xi mkien ieħor kienu jammontaw għal 291,216, jew 83.6 fil-mija tat-total. Bħala medja, kull bastiment li kien sorġut f’Malta ġarr 3,225 passiġġier, 921 aktar mis-sena ta’ qabel 

Is-swieq ewlenin kienu l-Italja, li jammontaw għal 25.3% tat-total tal-passiġġiera, segwita mill-Ġermanja bi 11.7%. 

L-għadd ta’ passiġġieri minn pajjiżi mhux tal-UE laħħaq il-140,544, li minnhom 40.7 fil-mija kienu ġejjin mir-Renju Unit u 28.9 fil-mija kienu ġejjin mill-Istati Uniti.

Il-passiġġieri nisa laħqu 52.9 fil-mija tat-total. L-akbar ammont taʼ passiġġieri kienu fl-età taʼ bejn l-40 u d-59  sena (36.9 fil-mija). Warajhom, kien hemm dawk li kellhom anqas minn 20 sena (21.7 fil-mija).

L-NSO qal ukoll li bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena, l-għadd sħiħ taʼ passiġġieri laħaq is-645,567, li 58% minnhom kienu ġejjin minn pajjiżi tal-UE.

Il-parti l-kbira tal-passiġġieri kienu nisa u ammontaw għal 344,250, jew 53.3 fil-mija tat-total. Fost il-gruppi tal-età, l-akbar grupp taʼ passiġġieri kellhom bejn l-40 u d-59 sena, u laħqu l-229,065 (35.5 fil-mija). Warajhom, kien hemm il-passiġġieri li kellhom bejn is-60 u d-79 sena, li laħqu l-164,686.

Ekonomija

Sport