PR250430 + ritratti + link għall-filmat
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL
Aktar minn 400 uffiċjal korrettiv b’żieda fis-salarju ta’ mill-anqas €5,000 fis-sena
Iffirmat ukoll l-ewwel ftehim kollettiv għall-ħaddiema amministrattivi tal-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi
Ġie ffirmat it-tieni ftehim kollettiv għall-uffiċjali korrettivi li ser ifisser żieda fis-salarju ta’ mill-anqas €5,000 fis-sena, b’investiment fil-ħaddiema ta’ mill-anqas €33 miljun fuq ħames snin (2025-2030).
B’dawn iż-żidiet ma jinkludux titjib ieħor li dawn l-uffiċjali u l-familji tagħhom ser igawdu minnhom, bit-titjib fis-salarju bażiku hu kkumplimentat fost oħrajn minn żieda sostanzjali fl-allowance ta’ uffiċjal korrettiv, fl-active duty allowance kif ukoll fis-shift allowance.
Kienet proprju din l-amministrazzjoni li għall-ewwel darba tat id-dritt lil dawn il-ħaddiema jissieħbu f’union u jinnegozjaw ftehim kollettiv, bl-ewwel wieħed ġie ffirmat fl-2021. Permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv kompla jissaħħaħ il-kumpens finanzjarju ġust għas-sigħat maħduma wara l-40 siegħa xogħol fil-ġimgħa. Dan hekk kif qabel din l-amministrazzjoni, Uffiċjal Korrettiv kien obbligat jaħdem 46 siegħa mingħajr ma jingħata kumpens għas-sitt sigħat żejda li kien jaħdem. Dan it-tieni ftehim issa ser ibiddel dak il-kumpens f’overtime u għalhekk għalih il-ħaddiem ser jibda jitħallas bil-prinċipju tas-siegħa, siegħa u nofs, li jfisser aktar tisħiħ fit-take-home pay. Biż-żieda fis-salarju bażiku, il-ħaddiem ser ikun qed jirċievi wkoll ħlas ta’ overtime aktar b’saħħtu.
B’dan ikompli jsaħħaħ il-prinċipju li dan il-gvern assigura għall-ħaddiema fil-Korpi Dixxiplinati, ikunu stmati u li jitħallsu ta’ kull siegħa maħduma.
Dan il-ftehim kollettiv huwa riżultat ta’ djalogu soċjali flimkien mal-union li tirrappreżenta lill-ħaddiema – il-General Workers’ Union, Taqsima tal-Korpi Dixxiplinati, Sigurtà u Infurzar tal-Liġi – liema taħditiet tmexxew mit-Taqsima tar-Relazzjonijiet Industrijali tal-People and Standards u l-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol.
Flimkien ma’ dan il-ftehim kollettiv għall-uffiċjali korrettivi ġie wkoll iffirmat għall-ewwel darba, ftehim għall-ħaddiema amministrattivi tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi. Ftehim li qed isaħħaħ id-drittijiet u l-kundizzjonijiet ta’ madwar 20 ħaddiem ieħor b’investiment li jaqbeż il-miljun ewro fuq ħames snin. Fost it-titjib, b’rati ta’ salarji ġodda bbażati fuq il-ftehim kollettiv sħiħ tas-Servizz Pubbliku, il-ħaddiema ser igawdu minn rata fissa ta’ overtime ta’ siegħa, siegħa u nofs mit-Tnejn sas-Sibt u bis-siegħa, sagħtejn fil-Ħdud u festi pubbliċi u nazzjonali. Dan filwaqt li ser jingħataw pagament (one-time payment) ta’ €2,500 flimkien ma’ żieda ta’ mill-anqas €2,000 fis-sena fl-allowances.
Dwar dawn il-ftehimiet, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri tenna li ma hemmx forzi tal-ordni mingħajr il-ħaddiem u li llum mhux biss għandna l-akbar ammont ta’ ħaddiema imma għandna l-aqwa kundizzjonijiet. Huwa spjega kif dawn il-ħaddiema u oħrajn kienu strumentali sabiex issir bidla totali fil-ħabs fl-aħħar snin, minn ħabs mimli droga, għal ħabs ordnat u b’tentattiv ġenwin ta’ riabilitazzjoni. Għalhekk qed ikompli jsir investiment fihom u jingħataw il-fiduċja sabiex ikomplu bil-ħidma tagħhom u jtejbu s-servizz tagħhom.

B’dawn il-ftehimiet issa jfissru total ta’ tmintax-il ftehim li ġew iffirmati f’dawn il-ħames snin f’dan id-dekasteru, filwaqt li kien assigurat li kull entità tas-sigurtà jkollha ftehim mal-ħaddiema. Sostna li filwaqt li l-ħidma mwettqa minn dawn il-ħaddiema hija imprezzabbli, dawn il-ftehimiet għal darb’oħra jerġgħu jippremjaw lill-ħaddiem u lill-familja tiegħu. Ikkonkluda li dawn huma l-ewwel minn sensiela ta’ ftehimiet li ser jiġu ffirmati din is-sena, bid-diskussjonijiet huma għaddejjin.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana qal li l-ftehimiet kollettivi li ġew iffirmati illum mhumiex ftehimiet iżolati imma parti minn kullana ta’ ftehimiet li jmissu ma’ ħafna oqsma u li kollha qed jagħtu kundizzjonijiet aqwa lill-ħaddiema. Din is-sena, komplejna nwettqu din l-istrateġija, hekk kif b’dawn tal-lum diġà ingħalqu 7 ftehimiet. Is-Sur Sultana qal ukoll li apparti l-kundizzjonijiet finanzjarji, qed isir dejjem enfasi fuq il-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u dik personali. Huwa għalhekk pożittiv ħafna li l-ġimgħa ta’ xogħol tal-korpi fi ħdan l-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi issa ġiet stabbilita bħala 40 siegħa. Apparti minn hekk, se jissaħħu l-opportunitajiet ta’ taħriġ u investimenti oħra. Dan ikompli jikkonferma kemm l-amministrazzjoni pubblika hi attraenti għal min qed ifittex karriera solida u li permezz tagħha jingħata servizz lis-soċjetà.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi Chris Siegersma qal li l-ftehim kollettiv il-ġdid tal-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi huwa pass importanti biex jiġu mtejba l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati. Tenna li dan il-ftehim mhux biss jirrikonoxxi s-sehem u d-dedikazzjoni tal-ħaddiema, iżda jgħin ukoll fl-għoti ta’ servizz aħjar u aktar effettiv fi ħdan is-sistema korrettiva.
Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja qal li dawn il-ftehimiet huma parti mir-rivoluzzjoni industrijali li saret fil-Korpi Dixxiplinati minn meta ngħataw id-dritt li jistgħu jissieħbu f’union u l-GWU ħadmet bi sħiħ biex il-ħaddiema jimxu ’l quddiem fil-kundizzjonijiet. Spjega li dan ma kienx l-ewwel ftehim kollettiv li ġie ffirmat, u kien hemm diversi oħrajn fil-Korpi Dixxiplinati kollha li tirrappreżenta t-taqsima għall-Forzi Dixxiplinati fi ħdan il-General Workers’ Union, li kollha mxew ’il quddiem u li dan hu parti mir-rivoluzzjoni industrijali li qed isseħħ fil-Korpi Dixxiplinati.
Is-Segretarju tat-Taqsima għall-Forzi Dixxiplinati fi ħdan il-General Workers’ Union, Theo Vella spjega li b’dawn il-ftehimiet il-ħaddiema kollha qegħdin jaraw titjib fis-salarju filwaqt li rrefera għall-ewwel ftehim kollettiv għall-ħaddiema amministrattivi fi ħdan l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, li qabel kellhom kuntratt individwali u li issa dawn huma miġbura flimkien taħt il-ftehim kollettiv li jfisser li għalhekk l-Aġenzija tkun tista’ topera b’mod aħjar.
Il-ftehimiet kollettivi ġew iffirmati mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi Chris Siegersma, il-Kap tal-Operat tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi l-Kurunell Etienne Scicluna, is-Segretarju tat-Taqsima għall-Forzi Dixxiplinati fi ħdan il-General Workers’ Union Theo Vella flimkien mar-rappreżentanti tal-ħaddiema Victor Galea u Antonio Bonnici. L-iffirmar kien ippresedut mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Joyce Dimech u s-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja.