Fl-ewwel sitt weekends minn meta nbeda s-servizz ta’ trasport ċirkulari b’xejn minn u lejn Wied iż-Żurrieq, in-numru ta’ persuni li għamlu użu minn dan il-proġett pilota qabeż l-4,000. Il-proġett favur trasport sostenibbli fi tmiem il-ġimgħa hu ffinanzjat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. B’investiment ta’ €162,000, dan is-servizz jopera mill-Ħamis sal-Ħadd mill-10 ta’ filgħodu sa nofsillejl bi frekwenza ta’ madwar 20 minuta.
Fl-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li dan is-servizz se jkun qed jindirizza problema maġġuri, dik tal-parkeġġ, li kienet qed iżżomm lil ħafna milli jmorru Wied iż-Żurrieq. “Dan ġie kkonfermat minn stħarriġ tal-opinjoni pubblika kummissjonat mill-Ministeru għat-Turiżmu li wera li kważi 60% ta’ dawk li ġew intervistati sostnew li jsibu problema ta’ parkeġġ meta jinżlu Wied iż-Żurrieq. Kien hemm 36% li qalu li jitilqu lura kif ma jsibux fejn jipparkjaw. Kważi 50% urew ix-xewqa li lesti jużaw servizz ta’ trasport mill-akwati tal-madwar flok jużaw il-vettura tagħhom”.
Għal dan il-proġett pilota qed jintużaw żewġ xarabanks tal-Malta Public Transport immarkati ‘Destinazzjoni Wied iż-Żurrieq’ u li qed jiġbru passiġġieri minn San Niklaw/Il-Qasam qrib is-Siġġiewi u minn żewġ pjazez ewlenin, tal-Qrendi u taż-Żurrieq. F’San Niklaw inħolqu spazji ta’ parkeġġi għal min irid iħalli l-karozza privata tiegħu hemm.
Is-servizz jopera simultanjament permezz taż-żewġ xarabanks bil-għan li jiffaċilita l-prattikabilità u l-frekwenza ta’ dan is-servizz.
Wied iż-Żurrieq hu kkunsidrat bħala post uniku u attrazzjoni turistika popolari ħafna. Fis-sena 2018 żaru dan il-post madwar 475,000 turist, apparti l-eluf ta’ Maltin li jinżlu f’dan il-post għal raġunijiet varji, min għall-għawm, min għas-sajd u min għal xi ikla ħut f’xi wieħed mir-ristoranti li hemm.