L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qalet li aktar minn 40,000 ruħ attendew għall-kunċert ta’ SummerDaze li sar it-Tnejn filgħaxija f’Ta’ Qali. Matul il-kunċert ħadu sehem artisti ta’ fama internazzjonali fosthom Anne-Marie, Bastille, Elderbrook, G-Eazy u Jason Derulo.
Il-kunċert tat-Tnejn sar b’kollaborazzjoni ma’ BBC Radio 1 Dance Live u Creamfields. Għada f’Ta’ Qali se jittella’ kunċert ieħor, din id-darba b’kollaborazzjoni ma’ Radio Deejay u M2O u li jagħmel ukoll parti minn dan il-festival. Għal dan il-kunċert se jieħdu sehem Albertino, Fargetta, Molella, Prezioso, J AX, Baby K, Corona, ICE MC u Meduza.
Il-biljetti huma b’xejn iżda donazzjoni ta’ €3 tkopri l-ispiża ta’ tazza li tista’ terġa’ tintuża matul il-festival kollu, biex jitnaqqas l-iskart tal-plastik. Il-kumplament tad-dħul se jitpoġġa f’donazzjoni lill-Fond ta’ Responsabbiltà Soċjali tal-MTA.