Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma u l-President tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda Dr Noel Camilleri, ħabbru l-benefiċjarji tal-iskema ‘It-Taħriġ Mużikali taż-Żgħażagħ fil-Każini tal-Banda’. Din l-inizjattiva hija xhieda tal-impenn tal-Gvern lejn il-kultura u t-talent żagħżugħ Malti u Għawdxi.
Matul ċerimonja, ġie mħabbar li n-numru ta’ każini li qed jibbenefikaw minn din l-iskema żdied b’mod sinifikanti minn 33 is-sena l-oħra għal 57 każin tal-banda matul din is-sena. B’investiment totali ta’ aktar minn €130,000, kull każin seta’ jirċievi sa €3,000 biex joffri tagħlim tal-mużika b’xejn lil żgħażagħ sa 30 sena. Dan il-finanzjament jiżgura li l-ebda talent ma jintilef minħabba nuqqas ta’ riżorsi.
Fl-intervent tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti sostna li, “Permezz ta’ din l-iskema qegħdin fil-prattika nimplimentaw dak imwiegħed fil-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ 2021-2030, pjan li jinsisti li ż-żgħażagħ jiġu appoġġjati biex jilħqu l-milja tagħhom u jkunu l-protagonisti fil-komunitajiet tagħna. Il-każini tal-banda huma ħafna aktar minn skejjel tal-mużika; huma ċentri ta’ formazzjoni fejn żgħażagħ jitgħallmu d-dixxiplina u jibnu l-fiduċja fihom infushom.” Huwa żied jgħid li dan it-tkabbir huwa xhieda ta’ interess dejjem jikber f’edukazzjoni mużikali li mhux biss hija strutturata, iżda moderna u attraenti għall-ġenerazzjonijiet tal-lum.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ, Miriam Teuma, enfasizzat il-kollaborazzjoni b’saħħitha mal-Għaqda Każini tal-Banda. “Is-suċċess ta’ din l-inizjattiva jistrieħ fuq il-kollaborazzjoni eċċellenti bejn Aġenzija Żgħażagħ u l-Għaqda Każini tal-Banda. Permezz ta’ metodi li jirriflettu l-eċċellenza u li jħaddnu l-innovazzjoni u metodi moderni ta’ tagħlim, qed niżguraw futur vibranti għall-mużiċisti żgħażagħ tagħna.”
Punt ewlieni f’din iċ-ċerimonja kien l-iffirmar ta’ ftehim ġdid għal tliet snin bejn Aġenzija Żgħażagħ u l-Għaqda Każini tal-Banda. Dan il-ftehim se jkompli jsaħħaħ ir-rabta bejn iż-żewġ entitajiet u jinkludi għotja annwali addizzjonali ta’ €20,000 iddedikata speċifikament biex tkompli tiżviluppa l-Youth Symphonic Band. Dan l-investiment dirett se jservi bħala pjattaforma ta’ livell għoli li tagħti vuċi u prestiġju lit-talent żagħżugħ fuq livell nazzjonali.
Permezz ta’ dawn l-inizjattivi, il-Gvern u l-Aġenzija Żgħażagħ qed jassiguraw li l-mużika u t-tradizzjoni f’pajjiżna mhux biss ma tmut qatt, imma tkompli tissaħħaħ f’idejn l-aktar membri vibranti u kapaċi tagħna, iż-żgħażagħ.

