Il-Bank of Valletta (BOV) qed jiċċelebra t-tielet anniversarju tal-Iskema Volontarja ta’ Pensjoni fuq il-Post tax-Xogħol (BOV VOPS). B’aktar minn nofs l-impjegati tal-Bank diġà daħlu f’din l-iskema, huwa vot qawwi ta’ fiduċja fil-Bank u indikazzjoni li aktar nies qed jieħdu l-irtirar tagħhom bis-serjetà.
Imnedija fl-2022, BOV VOPS tnediet bħala benefiċċju għall-impjegati, li żżid mal-pensjoni tal-istat u tgħin lill-impjegati jżommu l-istandard tal-għajxien tagħhom meta jirtiraw. L-iskema, li titħaddem minn MAPFRE MSV Life p.l.c., saret pilastru fl-istrateġija tal-BOV għall-ġid tal-impjegati u element ewlieni fl-istrateġija tiegħu bħala organizzazzjoni li timpjega għadd kbir ta’ nies.
Karatteristika ewlenija f’din l-iskema hija l-impenn finanzjarju tal-Bank, li joħroġ l-istess ammont ta’ kontribuzzjoni li joħroġ l-impjegat sa massimu ta’ €2,400 fis-sena. Dan huwa impenn fit-tul li jkompli jiddistingwi lill-BOV bħala l-post tax-xogħol tal-għażla. Meta jingħaqdu mal-Bank, l-impjegati jistgħu jittrasferixxu wkoll il-pjan eżistenti tagħhom ta’ pensjoni fuq il-post tax-xogħol għall-iskema offruta mill-BOV, li hija ġestita permezz ta’ strateġija ta’ investiment ta’ stil ta’ ħajja, ibbażata fuq l-età tal-impjegati, bil-għan li tiżgura l-ġestjoni tar-riskju maż-żmien.
Fl-okkażjoni tat-tielet anniversarju tal-iskema volontarja ta’ pensjoni fuq il-post tax-xogħol, Simon Azzopardi, Chief Personal and Wealth Officer, qal, “Dan it-tielet anniversarju huwa pass importanti għall-BOV. Il-fatt li aktar minn 50 % tal-kollegi tagħna huma sottoskritti juri kemm in-nies tagħna japprezzaw b’mod profond il-benesseri finanzjarju fit-tul. Il-kontribuzzjoni finanzjarja qawwija li qed issir mill-Bank tibgħat messaġġ ċar li l-BOV huwa ta’ spalla mal-impjegati tiegħu hekk kif qed jinvestu fil-futur tagħhom.”
Ray Debattista, Chief People and Culture Officer, żied jgħid “Is-suċċess tal-VOPS juri li l-benefiċċji rilevanti u li jħarsu ’l quddiem jaqblu mal-valuri tan-nies tagħna u jsaħħu l-pożizzjoni tal-Bank bħala l-post tax-xogħol tal-għażla f’Malta. Tliet snin wara, din l-iskema tkompli ssaħħaħ il-valuri tagħna li npoġġu lin-nies tagħna l-ewwel.”
Sejħa għal Min Iħaddem
Il-Bank of Valletta jħeġġeġ lil kull min iħaddem f’Malta biex jintroduċi skemi volontarji ta’ pensjoni fuq il-post tax-xogħol. Il-Bank lest li joffri appoġġ prattiku, jaqsam l-għarfien mill-esperjenza tiegħu kemm fit-tnedija kif ukoll fit-tħaddim tal-iskema, u jipprovdi gwida dwar l-implimentazzjoni u l-involviment tal-impjegati. Din l-iskema tgħin lil min iħaddem jagħti prijorità lill-benesseri finanzjarju tal-impjegati u jkun aktar attraenti fost il-ħaddiema.

