Saturday, November 23, 2024

Aktar minn 65% tal-proġett tal-Marsa Junction u aktar minn 50% tal-proġett tal-mini ta’ Santa Luċija huma lesti

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg żar ix-xogħlijiet li għaddejjin fuq il-proġetti tal-Marsa Junction u tal-mini ta’ Santa Luċija. Dawn l-investimenti multi-miljunarji mistennija jitlestew sal-aħħar ta’ din is-sena. 

“Dawn il-proġetti se jkunu qegħdin jagħtu ħajja ġdida lin-Nofsinhar ta’ Malta – inqas konġestjoni, kwalità tal-arja aħjar, konnessjonijiet aktar effiċjenti u aktar sikuri. Qed naraw ukoll li ninkorporaw faċilitajiet pedonali u għaċ-ċiklisti.  Biss biss qed naraw li jkollna rotta sigura għaċ-ċiklisti li tgħaqqad Ħal Luqa, Santa Luċija, Ħal Tarxien, Raħal Ġdid, il-Marsa u Ħal Qormi, grazzi għal numru ta’ proġetti li huma diġà lesti fl-inħawi u bħala parti minn dawn iż-żewġ proġetti li qed javvanzaw ġmielhom. L-impenn infrastrutturali tagħna huwa wieħed ħolistiku li jestendi għall-benefiċċju tal-utenti tat-toroq kollha, mill-vettura privata sal-karozza tal-linja, miċ-ċiklist sa dik il-persuna miexja fit-triq. Se nkomplu naħdmu u nirsistu biex naraw aktar proġetti mwassla lill-Maltin u l-Għawdxin favur infrastruttura denja u kwalità tal-ħajja aħjar”, qal il-Ministru Ian Borg.

65% tal-Marsa Junction Project huwa lest u l-istrutturi tal-pontijiet jinsabu f’posthom filwaqt li aktar minn 50% tal-proġett tal-mini ta’ Santa Luċija huwa lest u t-tħaffir għall-formazzjoni tar-rampi tal-mini qed joqrob it-tmiem. Ix-xogħlijiet li jmiss jinkludu t-tqegħid tal-asfalt fuq numru ta’ korsiji li jagħmlu parti minn dawn il-proġetti, inkluż l-erba’ strutturi ta’ pontijiet li għadhom ma nfetħux.

Sadanittant qed jinbnew ukoll passaġġi pedonali ġodda, faċilitajiet ta’ park and ride, korsiji għaċ-ċiklisti u aktar faċilitajiet, flimkien ma’ tisbiħ u landscaping bħala parti mill-Marsa Junction Project. Il-proġett tal-mini jinkludi wkoll id-disinn mill-ġdid u l-bini ta’ trakka għall-ġiri fil-viċin u faċilitajiet oħrajn pedonali u għaċ-ċiklisti.

Sport